Aktar minn erbat elef persuna f’Malta għandhom il-kundizzjoni tal-Epilessija, li taffettwa n-nervituri u tikkawża aċċessjoni fil-persuna.
Din il-kundizzjoni rari nitkellmu dwarha, iżda kapaċi taffettwa lil persuni ta’ kull età.
Il-Professur Janet Mifsud, li hija wkoll konsulent għall-Assoċjazzjoni Maltija għall-Epilessija fi ħdan il-Caritas, spjegatilna wkoll li hawn erbgħin tip ta’ Epilessija.
Hija spjegatilna: “Mad-dinja kollha l-Epilessija hija meta wieħed ikollu aċċessjoni aktar minn darba. Aħna f’ħajjitna kulħadd se jkollu aċċessjoni darba għal xi raġuni jew oħra. Ħadna drabi ma nindunawx għaliex inkunu reqdin. L-Epilessija hi meta din tiġri aktar minn darba.”
Staqsejnieha wkoll kemm din il-kundizzjoni hi meqjusa komuni f’pajjiżna.
Hija qaltilna: “Ir-rata madwar id-dinja hija ta’ 1% tal-popolalzzjoni. Malta qegħdin ftit anqas minn nofs miljun ruħ, hu maħsub li hawn mal-erbat elef persuna b’din il-kundizzjoni. Bil-mediċini li għandna llum, 70% ta’ dawn il-persuni għandhom il-kundizzjoni taħt kontroll. Malta xortina tajba li l-Epilessija mniżżla fil-kartuna s-safra, u kull persuna li għandha din il-kundizzjoni hi intitolata għall-mediċina b’xejn.”
F’Malta, l-akbar sfida li jaffaċċjaw dawn il-persuni hi biex isibu impjieg, għaliex l-istigma li teżisti dwar il-kundizzjoni ġġiegħel lil ħafna jemmnu li żżommok milli tgħix ħajja normali.
Il-President tal-Assoċjazzjoni, Frank Portelli, qal li fost id-diversi proġetti ta’ riċerka li tagħmel, hemm ukoll kampanja ta’ għarfien li hemm għaddejja anke fl-iskejjel biex dak li jkun ikun mgħarraf dwar x’għandu jagħmel f’każ li persuna bil-kundizzjoni ttiha aċċessjoni.
Hu qalilna,”Anke jekk ittik aċċessjoni fuq il-post, kulma jinvolvi forsi għaxar minuti, u wieħed jerġa’ jiġi għan-normal. Aħna lill-membri tagħna ngħidulhom li jistgħu jagħmlu kull ħaġa li jagħmel ħaddieħor, iżda bi ftit aġġustament. Jekk se tmur tgħum, tmurx waħdek, sajjar fuq il-burner ta’ wara, u flok tieħu banju ħu doċċa.”
Jidher li l-ħidma tal-Assoċjazzjoni qed tħalli l-frott, hekk kif anke studenti żgħażagħ issa qed juru interess fil-qasam u saħansitra qed jispeċċjalizzaw fih.
Hija fissret: “Fil-fatt kelli studenti li komplew anke barra minn Malta, u għandi studenta li saħansitra qed taħdem mal-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa fl-Istati Uniti fuq l-Epilessija. Nieħu gost nara studenti Maltin jagħmlu isem barra minn Malta anke f’dan il-qasam.”