L-Oppożizzjoni Nazzjonalista baqgħet l-istess u ma nbidlitx.
Qed tkompli fejn ħalliet waqt pandemija, jiġifieri mehdija b’logħob politiku partiġjan.
L-istess strateġisti li kienu jagħtu pariri lil Bernard Grech waqt pandemija qed jagħmlu l-istess issa.
Il-messaġġ hu wieħed, “Ħu kemm tista’ kapital politiku minnha.”
Dan bħal dak li seħħ fil-kwistjoni tal-każ ta’ Jean Paul Sofia fejn l-Oppożizzjoni issa hi siekta quddiem il-prosekuzzjoni ta’ ħames persuni akkużati wara li ġiet konkluża l-inkjesta maġisterjali, l-għodda li biha setgħu jitressqu n-nies.
Dan apparti li issa, inkjesta mmexxija mill-Ombudsman, l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit Mckeon se tistħarreġ anki nuqqasijiet sistematiċi biex tissarraf ġustizzja wara messaġġ ċar mill-Prim Ministru li kull min b’xi farka kkontribwixxa għall-mewt ta’ Sofia, irid iwieġeb.
Intant dwar is-sitwazzjoni tal-provvista tal-elettriku, il-Partit Nazzjonalista qed jimmonta kampanja li biha jrid jiskorja punti politiċi anki jekk fuq is-settur tal-enerġija ma għandu l-ebda kredibbiltà.
Bernard Grech ħa miegħu lil Mark Anthony Sammut, pedina importanti fl-establishment li jmexxi lill-Partit Nazzjonalista, tant li mhux darba jew tnejn intuża biex jintlaħqu ċertu skopijiet, fosthom biex mar jiġbor il-firem ħalli jitqaċċat Adrian Delia minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech biswit Sammut talab għal stat ta’ emerġenza, l-istess kif kien għamel waqt pandemija meta talab għal dan u l-istess Oppożizzjoni kienet talbet biex jissakkru n-nies ġewwa f’lockdown, kontra kull parir tal-Awtoritajiet tas-saħħa.


Dwar l-aħħar messaġġ minn Grech wieġbet b’mod ċar il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli li saħqet li ħidmet il-Gvern tibqa’ ffukata fuq ħidma bla heda biex tiġi ripristinata l-provvista tal-elettriku.
“Ma hemmx lok għal teatrini politiċi”, saħqet mal-ġurnalisti l-Ministru Dalli filwaqt li l-Partit Laburista nnota li l-Prim Ministru hu ffukat fuq it-tmexxija tal-pajjiż mhux fil-logħob partiġjan ta’ min irid ifixkel.
“Iż-żmien tar-risposti politiċi għad jiġi wkoll u nkunu nafu liema Gvern verament investa fl-enerġija u min dejjem lagħab għall-gallarija, kif reġa’ għamel Bernard Grech”, irrimarka l-Partit Laburista.