In-Nutar tal-Kurja Robert Aquilina, il-perċimes fl-għaqda Repubblika u ħu l-Kap veru tal-PN, Karol Aquilina, qal li l-Gvern Laburista li, fl-aħħar elezzjoni ngħata l-appoġġ tal-akbar maġġoranza fl-istorja politika f’pajjiżna, hu “reġim”.
U skont l-istess Aquilina, dan ir-“reġim” se jiġi fi tmiemu. Hu qal dan fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook fejn ukoll kompla li huma m’għandhom l-ebda animosità jew mibegħda lejn ħadd.
Kemm Robert Aquilina u ħuh Karol kif ukoll l-esponenti tal-fazzjoni estremista, li tmexxi lill-Partit Nazzjonalista u lil Bernard Grech minn imnieħru, bħal Jason Azzopardi u Kevin Cassar, ħaten Beppe Fenech Adami, ma jitilfux okkażjoni waħda biex jattakkaw bl-aktar mod personali lill-esponenti tal-Gvern u tal-Partit Laburista.
Saħansitra jattakkaw lil Nazzjonalisti stess li mhumiex parti mill-klikka estremista tagħhom.
L-aħwa Aquilina għandhom dominanza qawwija fuq il-Partit Nazzjonalista, tant li persuni midħla sew fl-aħħar ġimgħat żvelaw anke ma’ ONE News kemm għandu kontroll Karol Aquilina fuq Bernard Grech u anke fuq id-Deputati l-oħrajn Nazzjonalisti.
“Karol kollox f’idejh,” kienu qalulna dawn is-sorsi mid-Dar Ċentrali.
U bħal Karol, ħuh Robert ukoll magħruf għall-istil aggressiv tiegħu u ta’ attakki personali baxxi fil-konfront ta’ kull min l-estremisti jagħżlu li jiddeċiedu jattakkaw u jkissru politikament.