Il-President tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina, qrib Bernard Grech u l-istrateġisti tiegħu, għajjar faxxist lill-kandidat Nazzjonalista fuq Għawdex Alex Borg.
Ħu d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina wieġeb lil Borg wara li dan tal-aħħar ikkundanna u kritika lir-Repubblika, hekk kif tas-Civil Society Network, li jkunu fil-protesti ma’ Repubblika, ħarġu jheddu lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li se jiftħu partit ieħor li jieħu post il-Partit Nazzjonalista.
Borg qal li tar-Repubblika u tas-Civil Society Network huma rrilevanti fil-ħidma tiegħu.
Għal dan id-diskors, ħu Karol Aquilina sejjaħ dak li kiteb Borg bħala attakk b’sentimenti t’attitudni faxxista.
Qal li dan ma tistax issejħalu mod ieħor filwaqt li lejn l-aħħar tal-messaġġ tiegħu fuq facebook, Robert Aquilina, li sa ftit tal-jiem ilu kien f’laqgħa ma’ Bernard Grech u t-tmexxija Nazzjonalista biex tiġi diskuss strateġija politika, qal li dak li esprima Borg mhu xejn ħlief faxxiżmu.
Nies qrib il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex qalulna li Alex Borg mhux b’kumbinazzjoni tkellem hekk għaliex huwa ried jiftaħ attakk fuq il-kandidati rivali tiegħu fuq it-tlettax-il distrett, id-deputati Chris Said u Joe Ellis.
Tal-aħħar huwa saħansitra avukat tal-għaqda Repubblika tant li kien fetaħ il-kwerela biex jitfa’ s-suldati l-ħabs fuq allegazzjonijiet li nstab li ma kinux minnhom.
Dan filwaqt li Said huwa deputat ieħor tal-Blue Heroes viċin l-għaqda Repubblika.
Intant il-firda fil-Partit Nazzjonalista kompliet tintensifika f’dawn l-aħħar sigħat wara li kollox beda minn allegazzjoni rrappurtata mis-sit lovinmalta.
Is-sit irrapporta li l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia kien qed jibgħat il-messaġġi lil Yorgen Fenech waqt dibattitu parlamentari dwar il-kumpanija 17 Black, li s-sid tagħha sar magħruf li hu Fenech innifsu.
Għal dan ir-rappurtaġġ, Delia fetaħ libell lil-lovinmalta u ċaħad dan filwaqt li kompliet tikber il-pressjoni fuq Bernard Grech min-nies qrib tar-Repubblika, fosthom Chris Said u Beppe Fenech Adami, biex Delia jitwarrab u saħansitra lanqas ikun kandidat Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Intant fl-isfond ta’ dan il-ġlied kollu, l-Avukat tal-għaqda Repubblika u ieħor li ħadem u kiteb favur Bernard Grech u kontra Adrian Delia, fetħilha kontra l-kandidat Nazzjonalista Għawdxi Alex Borg.
Fuq twitter, Andrew Borg Cardona kiteb li jixtieq li kien jivvota f’Għawdex u b’hekk żgur ma kienx jivvota għal Alex Borg, li sejjaħlu ġifa.