Meta kompla l-ġuri ta’ Bojan Cmelik mixli bil-qtil tal-Imprenditur Hugo Chetcuti, ħaten Chetcuti tkellem dwar kif hu kien li daħħal lil Cmelik jaħdem f’wieħed mill-istabbilimenti ta’ Hugo.
Noel Falzon xehed kif kien keċċieh darbtejn; l-ewwel darba għall-fatt li ma kienx jaf jitkellem bl-Ingliż u t-tieni darba minħabba l-imġiba tal-akkużat.
Quddiem il-Qorti, Falzon stqarr kif ħu l-akkużat, Adam Mitic, li skont Falzon kien wieħed mill-aqwa bartenders, talbu biex idaħħal lil ħuh jaħdem magħhom wara li kien twaqqaf mill-impjieg li kellu f’Hugo’s Terrace.
Intant, xehed ukoll ħu Hugo, Isaac Chetcuti.
Hu xehed dwar il-mument li Hugo qala’ daqqa ta’ sikkina.
Ftit qabel semgħu lil xi ħadd jgħajjat isem Hugo u t-tnejn ħarsu biex jaraw min kien.
Issac spjega kif ra persuna b’idu mgħollija bħallikieku kien se jgħannaq lil Hugo, imbagħad ra lill-istess persuna iżomm lil Chetcuti minn għonqu u jagħmel żewġ movimenti fin-naħa taż-żaqqu.
Viżibilment imbikkem, ix-xhud irrakkonta li kellem lil ħuh l-għada li seħħ il-każ, ftit wara li t-tobba qajmu lil Hugo minn koma.
L-ewwel kliem li kien qallu hu li ma kienx jaf għala kien ġie attakkat u li lanqas biss kien jaf l-aggressur.