L-Ewro-Parlamentari u l-Ko-President tal-Alleanza għas-Saħħa Mentali fil-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba dalgħodu nieda l-kampanja “Recharge Your Brain…Stay Sane”. Din il-kampanja qed imexxiha ‘l quddiem b’kollaborazzjoni ma’ Gamian Europe, l-alleanza Ewropea li tiġbor NGOs Ewropej (fosthom ir-Richmond Foundation) li jaħdmu ma’ pazjenti li għaddejjin minn diffikultajiet marbuta ma’ saħħa mentali.
Agius Saliba sostna li f’dawn iż-żminjiet mhux daqstant faċli għad-dinja minħabba l-imxija tal-Coronavirus, jeżisti riskju reali ta’ problemi relatati mas-saħħa mentali u għaldaqstant qed imexxi ‘l quddiem din il-kampanja sabiex kulħadd ikun konxju mir-responsabbilità tiegħu u nnaqsu dawn ir-riskji minn fost l-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
Matul il-jiem li ġejjin permezz ta’ din il-kampanja, Agius Saliba ser ikun qed imexxi numru ta’ messaġġi pożittivi dwar is-suġġett, bil-għan li jgħin lil min għandu bżonn u joħloq klima aktar sensibbli lejn kwistjonijiet ta’ saħħa mentali f’dawn iż-żminijiet.
Huwa qal li waħda mill-akbar problemi għas-saħħa mentali hija s-solitudni u għaldaqstant appella sabiex nagħtu każ dawk il-persuni li jgħixu waħedhom billi nippruvaw inżommu kuntatt regolari magħhom f’dawn iż-żminijiet.
Agius Saliba saħaq illi problema ewlenija li qed taffettwa lil dawn il-persuni f’dawn il-mumenti tant diffiċli hija l-Fake News li sfortunatament qed jinxterdu fuq il-mezzi ta’ midja soċjali bħal Facebook, Twitter u Instagram. Huwa sostna li f’dawn iż-żminijiet, dawn il-pjattaformi soċjali għandna nużawhom sabiex inxerrdu materjal pożittiv li ma jkomplix joħloq aktar anzjetà u ambjent negattiv.
Il-Membru Parlamentri Ewropew Agius Saliba temm jgħid li f’din is-sitwazzjoni kulħadd għandu rwol x’jilgħab sabiex nevitaw problemi ulterjuri ta’ saħħa mentali.