Ħu d-Deputat Nazzjonalista Chris Said, Peter Paul Said qed ikun meqjus bħala s-suspettat ewlieni wara allegat rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni b’mod illegali f’art mhux mimsusa fin-Nadur.
Żvela dan is-sit Lovin Malta wara li fuq il-midja soċjali nxtered filmat ta’ trakk jarmi materjal tal-kostruzzjoni fil-kampanja fin-Nadur.
Aktar tard ġie żvelat kif wara dan ir-rimi allegatament illegali hemm il-kumpanija tal-kostruzzjoni bl-isem ta’ Said Construction LTD. Kumpanija li allegatament hija ta’ Peter Paul Said, ħu s-Sindku tan-Nadur Edward Said u d-Deputat Nazzjonalista Chris Said.
Allegatament dan ir-rimi ilu jsir għal numru ta’ snin filwaqt li r-rimi ta’ skart illegali jsir aktar minn darba kuljum bl-ewwel rimi jibda jsir mis-sitta ta’ filgħodu.
F’kumment mal-Lovin Malta, Peter Paul Said tenna li dik hija l-għalqa tiegħu u għandu permess sabiex jibni ħajt tas-sejjieħ.
Madankollu fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar imkien ma nstab permess għal ħajt tas-sejjieħ fl-akkwati. Meta imbagħad ġie mistoqsi sabiex jipprovdi n-numru tal-permess, Said ċaħad li għamel dan.
Intant b’rabta ma’ dan il-każ fost oħrajn ġie sottomess rapport mill-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi l-ERA.