“Fair. Miegħek. Aħna mmissu ma’ nies ngħidu dan, għaliex sejjer il-ħabs, wara li ilu ħames snin riabilitat, għax kellu każ aggravat. Għaliex sejjer lura dan? Qiegħed fil-business, bena familja, tagħtih ħames snin ta’ xogħol komunitarju ħalli jibqa’ jgħinnu fil-prevenzjoni, minflok imur il-ħabs.”
Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt
Kien dan is-sentiment li esprimew il-professjonisti li jaħdmu mal-vittmi tad-droga fi programm li ddiskuta White Paper ippubblikata għall-konsultazzjoni dwar is-suġġett. Il-White Paper taħseb għal riforma fil-Qrati tad-Droga.
Fuq il-programm televiżiv ta’ TVM, ‘Insights’, tkellmu l-Caritas u s-Sedqa, flimkien mal-esperti legali. Qablu li l-White Paper fiha ħafna elementi tajbin u fejn hemm lok għal diskussjoni taw il-kontribut tagħhom.
“Biex issib bilanċ, fl-aħħar mill-aħħar, il-ġudikatura għandha tingħata għodda biex tqis aktar, on a case by case basis, fl-aħħar mill-aħħar qed nittrattaw umani u għandu jkun hemm flessibbiltà biżżejjed biex il-ġudikatura tkun tista’ tgħid isma’ dan huwa każi ġenwin.”
Id-Direttur tas-Sedqa Charles Scerri
Fil-programm deher ċar li l-argument popolist tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, li l-White Paper għandha tintrema’, issa spiċċa għal kollox iżolat.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, ma qagħadx lura milli jinnota dan.
“Niddiskutu, għidtuli warrab kollox, armi kollox, iddeċiedu, itfa’ kollox fir-rubbish. Iddeċiedu xi tridu.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Iffaċċjat b’dan, il-Kelliem tal-Ġustizzja tal-Partit Nazzjonalsita kellu jirtira dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u, minflok issa qal li White Paper għandha tkun irtirata, qal li l-Partit Nazzjonalista għandu jagħmel sottimissjoni.
“F’sitwazzjoni fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jgħidli armi kollox mhux se niddiskuti. Issa llum il-kelliem qed ivarjaha ftit. Qed jgħidli hemm proposti tajbin issa.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Il-White Paper ma tbiddel xejn min kif inhuma stmati t-traffikanti tad-droga, bil-Ministru Attard jinsisti li l-Gvern ma jaqbilx mal-Kamra tal-Avukati li trid tneħħi l-għomor il-ħabs.
Minflok id-diskussjoni għandha ddur kif jista’ jkun mgħejjun il-vittma tad-droga.