Paniku kbir għal madwar 480 immigrant u ħaddiema tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jfittxu l-Ażil l-Erbgħa għall-ħabta tas-1:00 ta’ waranofsinhar id-dormitorju taċ-ċentru miftuħ tal-Marsa nħakem minn nirien kbar.
Dak il-ħin fid-dormitorju kien hemm mijiet ta’ missirijiet u ommijiet bi wliedhom uħud minnhom tat-twelid. Bil-biża’ l-immigranti u l-ħaddiema tal-AWAS li jmexxu ċ-ċentru ħarġu jiġru ’l barra miċ-ċentru b’wieħed minnhom spiċċa ġarrab xi ksur fil-paniku kbir li nqala’.
Crew ta’ ONE News li nzerta qrib iċ-ċentru fl-istess li tkebbsu n-nirien segwa mill-qrib il-paniku li kien hemm fuq il-post b’immigranti dehru jinħarġu ‘l barra miċ-ċentru fuq l-idejn kawża tad-dħaħen kbar li belgħu.
Fl-istess waqt oħrajn dehru jidħlu jiġru fiċ-ċentru minħabba xi qraba li kienet maqbudin ġewwa.
Bosta ommijiet u missirijiet dehru jħaddnu lil uliehom magħhom u jiġru ‘l barra miċ-ċentru fl-isfond ta’ daħna kbira li għattiet is-smewwiet.
Fuq post waslu fil-ħin bosta ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li b’kordinament kbir ikkontrollaw is-sitwazzjoni fi ftit ħin. Magħhom waslu wkoll timijiet mediċi mill-Isptar Mater Dei mmexxija minn Dr Michael Spiteri u Dr Jonathan Joslin li assistew erbatax-il persuna fuq il-post li ma setgħux jieħdu n-nifs minħabba d-dħaħen kbar li belgħu.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija kkonfermaw ma’ ONE News li s-sodod kollha fid-dormitorju taċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa nqerdu għalkollox fin-nirien waqt li l-ħitan kollha mtlew bin-nugrufun.
Aktar tard madwar ħamsin immigrant li kellhom saqaf fuq rashom fiċ-ċentru tal-Marsa tgħabbew f’żewġ vannijiet u ttieħdu lejn iċ-ċentru ta’ Ħal Far.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali li permezz ta’ bosta esperti li nħatru biex jassistu, għandha tiġi ddeterminata l-kawża tan-nirien li seta’ kellhom konsegwenzi ferm aktar serji.
Il-Pulizija tad-Distrett għadha għaddejja wkoll bl-investigazzjonijiet tagħha.
Monitoring Marsa situation closely. Emergency services on site. No known casualties up to this point.
— Chris Fearne (@chrisfearne) January 8, 2020