Fis-sena 2008, ġie ffurmat Senglea Drama Group, bl-għan ewlieni li dan l-istess grupp volontarju, jiġbor taħt saqaf wieħed, nies ta’ kull eta’ sabiex permezz tad-drama, ssir ħidma ta’ volontarjat ġewwa s-Sede Azzjoni Kattolika, fil-lokalità tal-Isla (Senglea) u fl-istess komunità. Barra minn hekk, permezz tal-istess grupp, in-nies involuti fi ħdan Senglea Drama Group, jieħdu gost jaqsmu esperjenzi flimkien, fil-qasam tal-palk.
Hekk kif sar f’dawn l-aħħar snin, f’għeluq ħmistax-il sena mit-twaqqif tal-istess grupp, Senglea Drama Group qed jerġa’ jieħu ħsieb sabiex għal din is-sena, jittella’ dramm ieħor għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa, ġewwa s-sala tas-Sede Azzjoni Kattolika, l-Isla. Id-dramm ta’ din is-sena jġib l-isem ‘Ħtija Tiegħi’, u ġie miktub minn Adrian Falzon. Id-direzzjoni ser tkun tiegħu stess, flimkien ma’ Andrew Grech. Dan id-dramm ser jittella’ nhar is-Sibt 1 u l-Ħadd 2 ta’ April 2023, fis-7:30 p.m.