Waqt laqgħa informali tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE (Gymnich) f’Ħelsinki, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela tkellem dwar il-ħtieġa urġenti li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda (NM) jaġixxi b’mod koerenti dwar il-Libja, aktar u aktar f’mument fejn hemm xejn inqas minn ħames stati membri tal-unjoni li huma wkoll membri tal-aktar organu li għandu saħħa fin-NM.
Il-Ministru Abela rrefera għat-taħdidiet li kellu dan l-aħħar f’Malta mar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NM u Kap tal-Missjoni ta’ Appoġġ tan-NM fil-Libja (l-UNSMIL) Ghassan Salamé, dwar il-prospetti għall-futur tal-Libja. Filwaqt li osserva li, f’dan il-mument kruċjali, huwa importanti aktar minn qatt qabel li l-komunità dinjija taġixxi flimkien bi qbil, u qal li Malta temmen li għandu jibqa’ jkun hemm appoġġ ma jaqta’ xejn għal Ghassan Salamé u għall-isforzi li qed tagħmel in-NM. Huwa rrepeta l-pożizzjoni ta’ Malta li l-unika soluzzjoni possibbli għall-kriżi hija waħda politika.
Il-laqgħa tal-Gymnich, li saret fid-29 u t-30 ta’ Awwissu 2019, ippresedietha r-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà Federica Mogherini, u ospitaha l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Finlandja Pekka Haavisto, f’isem il-Presidenza Finlandiża tal-Kunsill tal-UE.
F’Ħelsinki, il-ministri tal-affarijiet Barranin tal-UE kellhom ukoll diskussjoni estensiva dwar il-qagħda fil-Lvant Nofsani, fil-firxa wiesgħa tiegħu. Il-Ministru Abela esprima t-tama tiegħu li l-UE jkollha leħen u sehem aktar qawwi, flimkien ma’ oħrajn, fil-Proċess tal-Paċi tal-Lvant Nofsani. Huwa esprima wkoll tħassib dwar il-qagħda fil-Golf Għarbi, u saħaq fuq l-irwol tal-UE li taħdem biex tonqos it-tensjoni fir-reġjun. Dwar l-Iran, tkellem dwar il-ħtieġa li jingħata appoġġ lill-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt. Huwa qabel fuq l-importanza li l-libertà tan-navigazzjoni fl-Istrett ta’ Hormuz, li m’għandux jintuża għal skopijiet politiċi. Irrispettvament mid-diffikultajiet fir-reġjun, l-UE għandha żżomm għaddej djalogu mal-Iran, qal il-Ministru Abela. F’dan ir-rigward, huwa esprima d-dispjaċir tiegħu għas-sanzjonjiet li l-Istati Uniti imponew fuq il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iranjan, Mohammad Javad Zarif.
Il-ministri tal-affarijiet barranin iddiskutew ukoll ir-reġjun tal-Artiku li, minħabba t-tisħin globali, kiseb sinifikat starteġiku ikbar għall-Ewropa. Il-Ministru Abela qal li l-governanza tal-Artiku għandha tkun globali. Din trid tilħaq bilanċ bejn il-ħarsien u l-iżvilupp, kif ukoll bejn l-Istati tal-Artiku u n-nies li joqogħdu fihom u r-rikonoxximent tal-interessi leġittimi tal-bqija tad-dinja. Dan għandu jinkiseb permezz ta’ koperazzjoni reġjonali u multilaterali, fuq il-bażi tar-rispett sħiħ għall-konvenzjonijiet internazzjonali u l-Konvenzjoni tan-NM dwar il-Liġi tal-Baħar. F’dan ir-rigward, l-UE għandha sehem ewlieni x’tagħti bħala parteċipant globali importanti. F’dan il-kuntest, Malta temmen li trid tingħata attenzjoni partikolari lill-effetti tat-tibdil fil-klima fuq l-istati li huma gżejjer żgħar kif ukoll fuq il-komunitajiet li jgħixu mal-kosta, li huwa mistenni li jkunu l-agħar li jintlaqtu meta jkompli jogħla l-livell tal-baħar.
L-aġenda tal-Gymnich kienet tinkludi wkoll sessjoni ta’ ħidma mal-pajjiżi sħab tal-Balkani tal-Punent dwar il-koperazzjoni reġjonali. Il-Ministru Abela semma mill-ġdid il-pożizzjoni li ilha tħaddan Malta, li hemm rabta mill-qrib ħafna bejn l-istabbiltà u s-sigurtà fil-Balkani tal-Punent u l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Ewropa u fil-Mediterran. Malta tilqa’ bi pjaċir l-Abbozz tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tkabbir u u l-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bħala, kollox ma’ kollox, pass pożittiv fil-prospetti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex isiru membri tal-UE, partikolarment fid-dawl tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex jinfetħu n-negozjati tas-sħubija mal-Maċedonja ta’ Fuq u mal-Albanija. Malta tilqa’ tajjeb ukoll il-progress li għamlu l-Montenegro u s-Serbja fil-proċess tas-sħubija tagħhom. Huwa essenzjali, qal il-Ministru Abela, li kull pajjiż tal-Balkani tal-Punent jistinka biex isolvi l-kwistjonijiet interni tegħu b’mod paċifiku u demokratiku. Malta temmen li l-proċess għas-sħubija fl-UE se jinkoraġġixxi aktar riformi f’dawn il-pajjiżi permezz tal-armonizzazzjoni mal-liġijiet u l-politiki tal-UE. F’dan il-kuntest, huwa faħħar lill-Maċedonja ta’ Fuq għad-determinazzjoni tagħha biex timxi ‘l quddiem u tiftaħ in-negozjati għas-sħubija.
Fil-Gymnich, saret ukoll diskussjoni flimkien mal-ministri tal-UE responsabbli mid-difiża, fuq it-tema tat-theddidiet ibridi.
Intant, il-Gymnich serviet ta’ opportunità għall-Ministru Carmelo Abela biex jiltaqa’, għall-ewwel darba, ma’ tliet Ministri tal-Affarijiet Barranin ġodda tal-UE: is-Segretarju tal-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, Dominic Raab; il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Kroazja, Gordan Grlić Radman; u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Rumanija, Ramona Mănescu.