Laqgħa konġunta bejn il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Lorenzo Vella, u l-General Workers’ Union iddiskutiet il-ħtieġa li l-Kummissjoni tkun aktar viċin in-nies.
Stqarrija mill-GWU qalet li l-Kap tar-Rappreżentanta tal-KE saħaq fuq l-importanza li jiġi stabbilit l-kuntatt mal-GWU biex b’hekk jintlaħaq il-għan ħalli r-Rappreżentanza sservi ta’ pont ieħor bejn Malta u Brussell.
Dan hekk kif, il-poplu Malti mhuwiex konxju biżżejjed fuq x’qed jiġri fi Brussell dwar affarjiet relatati ma’ Malta.
“Importanti li nisimgħu l-proposti, it-tifħir jew l-ilmenti biex b’hekk inwasslu l-pożizzjoni ċara tal-Maltin fi Brussell ħalli nkunu influwenti fil-proċessi li jkunu għaddejin,” qal Vella.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, sostna li din Il-problema tista’ tiġi riżolta permezz ta’ firxa u komunkazzjoni reċiproka min-naħa tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea minn dak li jinħareġ minn Brussell sa ma jasal f’Malta.
Preżenti fil-laqgħa kien hemm Is-Segretarji tat-Taqsimiet, li għaddew ukoll is-suġġerimenti u l-ilmenti tagħhom hekk kif urew l-interess li jwasslu t-talbiet tagħhom fuq l-aġenda Ewropea permezz tar-Rappreżentanza.