Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg saħqet dwar il-bżonn ta’ impenn kollettiv akbar kontra r-razziżmu. Qalet li dan l-impenn ser ikun rifless fit-tieni strateġija nazzjonali kontra r-razziżmu li ser titħabbar dalwaqt u li se tkompli tibni fuq ix-xogħol li sar f’dawn l-aħħar snin.
Is-segretarju parlamentari qalet dan f’konferenza li mmarkat l-għeluq ta’ programm ko-finanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea imsejjaħ END-Racism-MT li kien ikkordinat mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan is-segretarjat parlamentari.
Hija qalet li dan il-proġett poġġa s-sisien għal inizjattivi oħra biex tixxejjen il-pjaga tar-razziżmu u minflok titrawwem il-kultura favur l-aċċettazzjoni tal-multikulturaliżmu. Rebecca Buttigieg saħqet li dan huwa essenzjali biex tirrenja l-armonija soċjali li qalet hija ta’ benefiċċju għas-soċjetà u għal pajjiż. Hija qalet li l-armonija soċjali tinkiseb jekk naċċettaw l-ugwaljanza li ma tagħtix lok għal diskriminazzjoni u napprezzaw id-diversità ta’ xulxin.
Is-segretarju parlamentari stqarret id-diżappunt tagħha għal kummenti razzisti u dispreġġattivi u jippromovu d-diskors ta’ mibegħda li jinkitbu fuq il-midja soċjali u n-narrativa ta’ uħud fuq il-ħaddiema barranin. L-edukazzjoni tibqa’ ċ-ċavetta biex inbiddlu mentalitajiet mibnija fuq preġudizzji. Għaldaqstant, id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem kontinwament jorganizza sessjonijiet ta’ taħriġ fuq dan is-suġġett. Fil-fatt, matul din is-sena tħarrġu aktar minn 300 uffiċjal pubbliku u aktar minn 400 membru tal-Korp tal-Pulizija.