F’ekonomija li qed tesperjenza tkabbir kontinwu, fejn l-intrapriżi qed ikunu kompetittivi u jkabru l-profitti tagħhom, wasal iż-żmien li aktar ħaddiema jipparteċipaw fis-suċċess li qed jikseb pajjiżna. Għalhekk huwa meħtieġ li fiż-żminijiet tal-lum, il-prinċipju fil-liġi tax-xogħol marbut ma’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali jkun imwessa’ u jibda jkopri lil ħaddiema kollha li jaħdmu f’azjenda, anke jekk mhumiex f’impjieg dirett magħha.
Dan kien il-qofol ta’ laqgħa li kellha l-Amministrazzjoni tal-General Workers’ Union, immexxija mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, flimkien mal-kandidata Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Dr Josianne Cutajar.
Skont is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, t-twessiegħ ta’ dan il-prinċipju se jgħin biex mhux biss inkomplu neliminaw ix-xogħol prekarju, iżda wkoll biex il-ħaddiema jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja saħaq li minkejja l-passi ’l quddiem li saru f’dak li għandu x’jaqsam mal-qerda tal-prekarjat, għad fadal x’isir, u t-twessiegħ tal-prinċipju tal-ħlas ugwali jgħin biex il-ħaddiema jtejbu id-dħul tagħhom u ma jibqgħux iħossuhom diskriminati fuq il-post tax-xogħol: “Ma jistax ikun li jkollok żewġ ħaddiema li qed jagħmlu l-istess xogħol, iżda wieħed li hu impjegat dirett tal-kumpanija jitħallas aktar mill-ħaddiem l-ieħor li l-impjieg tiegħu hu ma’ kuntrattur li qed jipprovdi servizz f’dik l-istess kumpanija.”
Min-naħa tagħha Dr Josianne Cutajar qalet li taqbel mal-GWU li għandu jitwessa’ l-prinċipju tal-Equal Pay for Work of Equal Value. “Nemmen li differenzi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol bejn ħaddiema impjegati mal-kumpanija u oħrajn impjegati mal-kuntrattur fl-istess post tax-xogħol, ittellef l-armonija fuq il-post tax-xogħol u tnaqqas il-produttività. Hija qalet li l-prinċipju li ħaddiema li qed jagħtu l-istess servizz jibbenefikaw mill-istess ħlas u l-istess kundizzjonijiet, għandu jitwessa’ b’mod sostenibbli u li jassigura l-istabbiltà tal-impjiegi kollha.
Fil-laqgħa, li fiha kienu diskussi temi attwali bħal ma huma l-qasam tal-housing, it-tkabbir ekonomiku, titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjieg u l-immigrazzjoni, is-Segretarju Ġenerali kien akkumpanjat mill-President Victor Carachi u mid-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri. Huwa tkellem ukoll dwar l-integrazzjoni ta’ ħaddiema barranin f’Malta u kif fil-postijiet tax-xogħol fejn il-ħaddiema huma organizzati fi trejdunjin mxiet u qed tirnexxi minħabba li fejn ikollok ftehim kollettiv il-ħlasijiet huma fuq bażi tal-grad okkupat u mhux ta’ min int jew x’int: “Fil-postijiet tax-xogħol fejn hemm preżenza tal-Union l-isfruttament ma jeżistix. Għalhekk qed ngħidu li kulħadd għandu jkun imsieħeb fi trejdunjin għaliex nemmnu li b’hekk biss nistgħu nrażżnu l-isfruttament u ntejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.”
Min-naħa tagħha filwaqt li faħħret il-ħidma tal-GWU fil-ġlieda kontra l-prekarjat, Dr Cutajar fissret kif l-isħubija aktar mifruxa tal-ħaddiema f’union, hija essenzjali biex inkomplu neqirdu x-xogħol prekarju f’pajjiżna.
Iż-żewġ naħat qablu li jkomplu bil-kuntatti bejniethom u ħidma konġunta fuq materji li huma ta’ interess għall-ħaddiema Maltin.