Malta temmen li l-Unjoni Ewropea għandha tadotta pjan fit-tul f’dak li għandu x’jaqsam ma’ linji gwida dwar il-kompożizzjoni ta’ ikel proċessat. Pjan li minnu nnifsu finalment għandu jwassal sabiex in-nies isibu disponibbli ikel b’kontenut anqas ta’ melħ, zokkor u xaħmijiet.
Ikel li għandu jgħin sabiex in-nies ikollhom stat ta’ saħħa aħjar. Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta aktar kmieni llum indirizza l-laqgħa tal-Ministri tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea fis-Slovakkja.
Il-Ministru Fearne qal li hu ta’ pjaċir li jinnota li l-Presidenza Ewropea qed tagħti l-importanza meħtieġa sabiex teduka lin-nies dwar l-importanza tal-kompożizzjoni tal-ikel li jikkunsmaw u saħaq li, hekk kif Malta se tieħu f’idejha l-Presidenza minn hawn u ftit xhur oħra, pajjiżna se jkompli fuq din il-linja fejn se tingħata wkoll spinta lill-importanza tad-dieta Mediterranja.
Il-Ministru żied jgħid li l-industrija tal-ikel għandha rwol importanti f’dan il-qasam u għalhekk hu kruċjali li l-Unjoni Ewropea tiftaħ diskussjoni wiesgħa mal-industrija dwar ir-riformulazzjoni tal-ikel u tgħin ukoll billi tipprovdi l-istess industrija b’għajnuna teknika.
Il-Ministru Fearne tkellem ukoll dwar dak l-ikel tradizzjonali tal-pajjiżi membri u qal li l-ikel tradizzjonali mhux dejjem hu l-aħjar għażla. Madanakollu, bi ħsieb u modifikazzjoni, anke dan l-ikel tradizzjonali jista’ jsir aktar bnin.
Ta l-eżempju ta’ kif illum il-ħobża Maltija hija wkoll għall-bejgħ fis-suq b’35% anqas melħ u dan għandu jwassal sabiex ikun hemm tnaqqis fil-mard assoċjat mal-pressjoni għolja speċjalment mal-anzjani.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne temm l-indirizz tiegħu billi semma l-istudju li qed isir f’Malta dwar il-konsum tal-ikel u li r-riżultati tiegħu mistennija jkunu magħrufa sa tmien is-sena d-dieħla.