Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis ipparteċipa waqt laqgħa informali tal-Kunsill tal-Ministri għall-Ġustizzja, organizzata mill-Presidenza Kroata tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, f’Zagreb.
Id-diskussjoni ffukat fuq il-valuri prinċipali Ewropej, is-saltna tad-dritt u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda fil-kamp ġudizzjarju. Dr Edward Zammit Lewis tkellem dwar il-ħtieġa għal aktar koperazzjoni ġudizzjarja fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Il-Ministru saħaq li hemm bżonn ta’ aktar fondi Ewropej biex, mhux biss jingħata taħriġ lill-ġudikanti, iżda wkoll lil kull min jipprattika l-liġi f’kull stat membru. Il-Ministru tenna li dan it-taħriġ hu importanti biex iċ-ċittadini Ewropej ikollhom qrati aktar effiċjenti, b’inqas spejjeż dovuti. B’hekk tkun assigurata l-aċċessibilità tal-qrati għal kull ċittadin.



Il-Ministru Zammit Lewis tkellem ukoll dwar l-importanza li fit-territorju tal-Unjoni Ewropea jkun hemm uniformità tad-dritt Ewropew biex ikollna wkoll qrati aktar ġusti u effiċjenti għall-kumpaniji, għan-negozjanti u għall-intrapriżi.
Dr Edward Zammit Lewis kellu wkoll laqgħa mal-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, Didier Reynders. Hawnekk, il-Ministru spjega l-pjanijiet tal-Gvern Malti, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, u r-riformi li se jkunu qed isiru matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Ritratti (MJEG)