F’Malta r-rata ta’ nisa li jaqilgħu inqas paga mill-irġiel hija inqas mill-medja Ewropea.
Minkejja dan jekk id-differenza ma tiġix indirizzata, iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tista’ tkompli żżid id-differenza fil-qligħ bejn is-sessi.
Dan ħareġ waqt seminar li ttella’ mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, dwar id-diskrepanzi fid-dħul abbażi tal-ġeneru.
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, Josef Bugeja, li kien wieħed mill-kelliema waqt is-seminar, sostna illi d-differenza li hemm fil-pensjonijiet ġejja minn mentalità antika ta’ sterjotipi dwar l-irwoli tal-ġeneru; fejn li r-raġel imur jaħdem u l-mara kienet toqgħod id-dar tieħu ħsieb il-familja.
Bugeja sostna: “Dawn l-affarijiet irridu nindirizzawhom bħala soċjetà sħiħa. Dak il-pern ta’ kollox idur fuq element ta’ edukazzjoni, li rridu neħħu mis-soċjetà tagħna, din il-pressjoni żejda li jkun hemm li ċertu rwoli li huma assoċjati mal-irġiel jew man-nisa. Jien dejjem nitkellem dwar ġenituri, mhux dwar missier u omm għax l-irwoli huma t-tnejn importanti u huma ugwali.”
Dr Rose Marie Azzopardi, lettur anzjan fl-Università ta’ Malta, irrimarkat li filwaqt li n-nisa li rritornaw fid-dinja tax-xogħol, uħud minnhom jibdew mill-bidu minħabba tilfu snin ta’ taħriġ. Azzopardi stqarret: “Waħda mill-issues hi li forsi jkun hemm continous training anke meta dawn in-nisa jkunu d-dar fuq parental leave, li huma x’ħin jerġgħu jidħlu x-xogħol ma jħossuhomx li they’ve lost out on their skills. Hemm sistema fejn inti tista’ timla l-gap li se jinħoloq fl-iskills, l-iskill gap lil dawn in-nisa li jkunu barra mil-labour market għal ċertu żmien ta’ xogħol.”
F’filmat li bagħat, il-Ministru għall-Ugwaljanza, Edward Zammit Lewis, sostna li l-indipendenza ekonomika ugwali hija meħtieġa.
Il-Kummissarju tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, Renee Laiviera tkellmet dwar proġett li għandu għaddej sa Awwissu li ġej.
Dan il-proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea jagħti informazzjoni liż-żgħażagħ kif għandhom jagħmlu għażliet għaqlija f’suġġetti ta’ studju, jipprovdi iktar tagħrif dwar il-paga ugwali għan-nisa u l-irġiel u jiżviluppa għodda dwar il-pagi ugwali għall-kuntest nazzjonali.