“Konna ilna ġimgħa ma narawh l-anzjan li joqgħod waħdu fid-dar ta’ ħdejna. Ħsibna li kien rikoverat l-isptar iżda wara r-rapport li għamilna mal-Pulizija, sirna nafu li sabuh mejjet.”
Dan kien il-messaġġ ta’ dieqa li ħalliet mara fuq is-sit soċjali Facebook meta bdiet tirrakkonta episodju li ġara lbieraħ. Il-mara tkellmet dwar telfa ta’ ġar li ma kinitx qed tistenna.
Kien propju lbieraħ li l-istess mara għamlet rapport mal-Pulizija, u kif dawn marru fuq il-post u daħlu fir-residenza tiegħu, sabuh mejjet waħdu fid-dar.
L-istess mara appellat lil kull min jaf lil xi ħadd li jgħix waħdu, biex jieħdu ftit ħsiebhom u kif jaraw li xi ħaġa mhux f’postha, jaqbdu u jagħmlu rapport mal-Pulizija mal-ewwel.
Il-mara sostniet li jiddispjaċiha li forsi ma għamlitx ir-rapport mill-ewwel, dan hekk kif jista’ jkun li forsi seta’ jsalva. Kienu diversi persuni li qawwewlha qalbha u qalulha li, li kieku ma kinitx hi, jaf għadda aktar żmien sakemm instab.
Fl-aħħar temmet il-messaġġ billi rringrazzjat lill-Pulizija li għamlet kuntatt miegħu b’messaġġ fuq The Malta Police Force u kif ukoll lis-Surġent li kienet on duty ilbieraħ filgħaxija fl-Għassa ta’ Birkirkara, kif ukoll lill-Pulizija li marru fuq il-post.
Il-Pulizija kkonfermat ir-rapport u s-sejba tal-anzjan li sfortunatament instab waħdu.