Il-Bank HSBC f’Malta hu kburi li jħabbar is-sħubija tiegħu mal-Kulleġġ San Injazju, l-iSkola Sekondarja tal-Ħandaq, fl-organizzazzjoni ta’ sensiela ta’ ‘mock job interviews’, f’inizjattiva li għandha l-għan li sservi ta’ spinta ‘l quddiem fl-għarfien tal-karriera taż-żgħażagħ f’Malta. Din il-kollaborazzjoni tenfasizza l-impenn ta’ HSBC li jrawwem opportunitajiet edukattivi u tħejjija professjonali fost l-istudenti.
Dan l-avveniment, li serva bħala intervista prattika għal intervista tax-xogħol, sar f’Mejju u involva studenti tal-għaxar sena skolastika, f’ambjent ta’ tagħlim prattiku. Permezz ta’ din l-inizjattiva, dawn l-istudenti setgħu japplikaw il-ħiliet tal-intervisti tagħhom f’xenarji fil-ħajja reali. Dawn is-sessjonijiet tfasslu biex inaqqsu d-distakk bejn il-kisbiet edukattivi u l-aspettattivi tas-suq tax-xogħol fid-dinja reali, u pprovdew lill-istudenti b’rispons siewi minn professjonisti b’esperjenza f’dan il-qasam ta’ xogħol.
Il-voluntiera minn fost l-impjegati ta’ HSBC, inklużi membri ewlenin minn diversi dipartimenti, kellhom l-opportunitá li jaqsmu l-għarfien tagħhom dwar id-dinamika tal-intervisti għax-xogħol u strateġiji effettivi ta’ komunikazzjoni. Din l-inizjattiva mhux biss għenet lill-istudenti fil-kisba tal-fiduċja, iżda kompliet tattrezzhom ukoll b’ħiliet essenzjali u meħtieġa fl-ambjent kompetittiv tax-xogħol tal-lum.
“L-HSBC huwa impenjat li jinvesti fil-futur billi jappoġġja programmi edukattivi li jikkultivaw it-talenti ta’ individwi żgħażagħ. L-involviment tagħna mal-Kulleġġ San Injazju huwa parti mill-istrateġija tagħna biex intejbu l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalitá u opportunitajiet ta’ żvilupp fil-karriera,” qalet Maria Boot, Risk Manager ta’ HSBC Malta. Is-Sinjura Boot żiedet tgħid, “aħna nemmnu li meta nkunu qed nippreparaw lill-istudenti tagħna għall-isfidi professjonali li għandna quddiemna, inkunu qed nikkontribwixxu b’mod tajjeb fit-tisħiħ tax-xogħol għall-futur, u fl-aħħar mill-aħħar, għat-tkabbir sostenibbli tal-komunitá tagħna.”
Dan l-avveniment huwa wieħed minn diversi inizjattivi mmexxija mill-Bank HSBC f’Malta biex jappoġġjaw l-iżvilupp edukattiv u professjonali madwar pajjiżna. Il-mira tal-Bank, permezz ta’ inizjattiva ta’ dan it-tip, hi li jagħmel impatt dejjiemi fuq ix-xenarju professjonali ta’ għada u kien għalhekk li ssieħħeb ma’ istituzzjonijiet edukattivi bħal fl-każ tal-Kulleġġ San Injazju.
“L-involviment tal-HSBC fl-inizjattiva ta’ ‘mock interview’ kienet esperjenza rikka u pożittiva għall-istudenti tagħna,” tenniet Ann Julene Hili, Principal Education Support Practitioner – Career Advisor fil-Kulleġġ San Injazju. “Il-gwida professjonali u l-għarfien tad-dinja reali pprovduti mill-ħaddiema ta’ HSBC b’mod volontarju, saħħew b’mod sinifikanti l-għarfien tal-istudenti tagħna għad-dinja tax-xogħol. Aħna grati immens għal din is-sħubija u ħerqana li nkomplu bl-isforzi kollaborattivi tagħna biex ngħammru lill-istudenti tagħna bil-ħiliet meħtieġa għall-karrieri futuri tagħhom.”