B’appoġġ finanzjarju minn HSBC Malta, se tinbena kabina ġdida għal Dr Klown fl-Isptar Mater Dei. Dan sabiex iservi bħala żona għall-voluntiera ta’ Dr Klown, fejn ikunu jistgħu jippreparaw għaż-żjarat tagħhom.
Dr Klown hija organizzazzjoni li ilha attiva f’Malta sa mill-2010, u toffri żjarat professjonali minn tabib buffu lit-tfal fl-isptar. Permezz tax-xogħol tagħhom, il-voluntiera jgħinu biex itaffu l-ansjetà u jġibu ferħ lit-tfal li jkunu qed jirċievu t-trattament mediku.

Id-disinn tal-kabina se jkun fih elementi pożittivi u kuluri vibranti li jirriflettu l-ispirtu ta’ din l-organizzazzjoni.
Rigward dan, wera l-apprezzament tiegħu Eric Muscat, voluntier ta’ Dr Klown, fejn irringrazzja lil HSBC Malta għall-appoġġ kontintwu tagħha matul is-snin.
Intant tkellem ukoll Glenn Bugeja, f’isem il-Fondazzjoni HSBC Malta, fejn saħaq li l-fondazzjoni hija kburija li appoġġjat lil din l-inizzjattiva, filwaqt li se tkompli bil-ħidma tagħha biex tiżgura li l-pazjenti żgħażagħ jirċievu mumenti ta’ ferħ anke fi żminijiet diffiċli.