Il-Bank HSBC Malta żied il-profitt tiegħu b’mitejn u tmienja u tletin fil-mija meta mqabbel mal-2022 biex tela’ għal disgħa u ħamsin miljun u tliet mitt elf ewro.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, uffiċjali tal-HSBC taw dettalji tal-prestazzjonijet pożittivi li saru mill-bank fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena.
B’riżultat t’hekk, il-bank se jkun qed jagħti l-ogħla interim dividend fl-aħħar seba’ snin. Il-bank ħabbar li d-diretturi qegħdin jirrakkomandaw dividend interim gross ta’ 6 ċenteżmi għal kull sehem, li hu ogħla minn dak tas-sena li għaddiet kollha kemm hi li kien ta’ 5.6 ċenteżmi.
Il-profitt qabel it-taxxa fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena żdied b’mitejn u tmienja u tletin fil-mija (238%), minn wieħed u erbgħin miljun u tmien mitt elf ewro (€41.8m) fl-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet għal disgħa u ħamsin miljun u tliet mitt elf ewro (€59.3m) bejn Jannar u Ġunju li għaddew.
Ġie diskuss ukoll kif id-dħul mill-imgħax fl-2023 żdied bi tlieta u erbgħin miljun u ħames mitt elf ewro (€43.5m) jew 69% meta mqabbel mal-istess perjodu ta’ sena qabel.
Dan ġie xprunat minn żieda fir-rati tal-imgħax li jirriflettu l-valur miżjud mill-bażi kbira u diversifikata ta’ klijenti u l-volumi akbar ta’ tranżazzjonijiet mill-klijenti.
Il-bank żied jgħid li naqqas l-ispejjeż b’sebgħa punt ħames miljun ewro (€7.5m) mill-istess perjodu fl-2022 u fl-ewwel sitt xhur tas-sena, is-self lill-klijenti u d-depożiti kienu l-biċċa l-kbira fl-istess livelli rrapportati fil-31 ta’ Diċembru 2022.
Il-bank kompla jtejjeb il-kwalità tal-assi billi naqqas is-self improduttiv b’10%.
Sadanittant l-investiment tal-bank żdied b’seba’ u disgħin miljun ewro għal wieħed punt wieħed biljun ewro u b’hekk l-investiment tal-bank ġie ppożizzjonat bi grad ta’ A-.
Geoffrey Fichte, il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta, qal li hu jemmen fl-ekonomija lokali u għalhekk qal li qed jiffokaw biex ikabbru n-negozju tagħhom, fosthom f’binja ġdida b’investiment ta’ 30 miljun ewro li sittin fil-mija tagħha diġà hi lesta.
Qal,“We continue to work hard every day to improve for our clients. We are investing in the future of our bank, improving the technology, improving the ATMs, investing for the long term for a new headquarter campus to support customers with parking and colleagues as well. So we are investing a long term of our business to always improve for the benefits of our clients because we know that their needs are evolving and we always want to meet their high expectations.”