Il-Ministru għall-Immaniġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal fil-Parlament li l-mejn tal-ilma bejn Malta u Għawdex ġarrab ħsara sostanzjali kawża tal-qilla tal-baħar.
Qal li l-Gvern għandu konferma li hemm ħsara bejn Kemmuna u Għawdex u anke hemm ħruġ ta’ ilma miċ-Ċirkewwa.
“Filfatt diġa għandna konferma li biċċa bejn Kemmuna u Għawdex, hekk kif titlaq minn Kemmuna għandha l-ħsara, jidher ukoll anke li l-ħruġ taċ-Ċirkewwa issa fl-aħħar ftit ġin ukoll jidher li floatjat parti minn dan il-pipe,” il-Ministru Mizzi qal fil-Parlament.
Il-Ministru Mizzi qal li l-Korporazzjoni għaddejja bi proċess biex tixgħel il-boreholes li għandha f’Għawdex u b’hekk tlaħħaq mad-domanda ta’ kważi sebat elef kubu ilma kuljum.
Qal li d-domanda mistennija tibqa’ kostantanti għax-xahrejn li ġejjin u b’hekk jilħqu jsiru t-tiswijiet.
Il-Ministru Mizzi spjega wkoll li aktar tard din il-ġimgħa diversi bugħaddasa ser jinżlu jispezzjonaw il-ħsara f’qiegħ il-baħar.
Dan sabiex isir stħarriġ speċċjalizzat li għandu jiddeterimna b’iktar eżattezza l-ħsarat, filwaqt li jitfassal pjan u tiġi stabbilitá l-ispiża.
Il-Ministru tenna li din hija sistema antika u mhix sostenibbli. Qal li għalhekk li l-Gvern jinsab impenjat li jimplimenta l-proġett ta’ impjant ta’ reverse osmosis ġdid f’Ħondoq ir-Rummien b’investiment ta’ €11-il miljun.
Qal li b’dan l-impjant Għawdex se jkun awto suffiċjenti fejn tidħol produzzjoni tal-ilma għax dan l-impjant se jipproduċi mad-disat elef metru kubu ta’ ilma kuljum.