Waqt li l-Gvern għaddej b’evalwazzjoni tal-ħsarat li kkawżat il-maltempata fi tmiem il-ġimgħa li għadda, matul il-jum tat-Tlieta kompla x-xogħol biex jitneħħa kull xorta ta’ periklu mit-toroq ta’ f’Malta u Għawdex li l-agħar grigalata li laqtet lill-gżejjer Maltin mill-elf disgħa mija u tnejn u tmenin.
Il-Grigalata ħakmet bil-kbir ukoll in-Nofshinar ta’ Malta, b’diversi toroq jinsabu temporarjament magħluqa.
Fost il-ħsarat insibu t-triq li mill-Kalkara tagħti għat-toqba tal-Birgu ħdejn ix-xatt, li wkoll tinsab magħluqa għat-traffiku minħabba li partijiet minnha ġġarrfu bil-qawwa tal-baħar.
Crew ta’ One News żar dawn in-naħat tal-Birgu fejn stajna ninnotaw diversi dgħajjes lussużi mgħerqa kif ukoll diversi karozzi li ġarrbu ħsarat kbar. Din il-maltempata affetwat bil-kbir ukoll il-club tar-regatta tal-Birgu, fejn dilettanti dehru mbikkma bil-ħsarat li sarulhom.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius żaru mill-qrib il-ħsarat li kkawża l-maltemp b’Agius jispejga x’ser ikun il-pass li jmiss sabiex jitneħħa kull periklu f’din it-triq u eventwalment terġa’ tinfetaħ.
“Issa d-dipartiment tal-Infrastruttura ser qed ikun jara li b’mod immedjat jissewwew il-ħsarat li huma ta’ periklu b’mod immedjat. Voldieri din il-ġimgħa ser jiddaħħlu applikazzjonijiet mal-Awtorita tal-Ippjanar sabiex b’mod immedjat jitneħħa kull periklu u t-triq terġa ssir aċċessibbli,” qal is-Sur Agius.
Il-Ministru Borg saħaq li ser jibdew l-istudji sabiex jiġu identifikati ħsarat simili fl-infrastruttura tal-pajjiż.
“U allura ħa nikkwantifikaw, ħa nistudjaw x’kien l-impatt, għandek impatt li jista jitkejjel faċilment u għandek impatt ieħor, bħall pereżempju mollijiet, breakwaters, ħsarat fi strutturi fil-baħar, dawn ovjament ser jieħdu aktar żmien sabiex wieħed janalizza u jikkwantifika,” qal Dr. Borg.
Intant matul il-jum bosta ħaddiema fosthom dawk tad-dipartiment tat-tindif u suldati komplew bil-ħidma tagħhom biex indaddfu l-pajjiż tant li tul il-jum tat-tlieta nġabru tmenin tunnellata oħra ta’ skart mit-toroq Maltin.
Intant is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u ħabbar li nfetaħ freephone sabiex sajjieda, bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jikkomunikaw mad-dipartimenti kkonċernati għal kull tip ta’ għajununa u informazzjoni li jkollhom bżonn b’rabta mal-maltemp qawwi li ħakem lil pajjiżna tul dawn l-aħħar jiem.