Is-Sibt waranofsinhar l-Pulizija daħlulha rapporti li kienet għadha kif żviluppat xi ħsara f’saqaf ta’ residenza ġewwa Bormla. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-13:15 fi Triq San Ġwann.
Immedjatament fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku mill-isptar Mater Dei. Fir-residenza kien hemm raġel ta’ 52 sena li ma ġarrabx ġrieħi. Huwa xorta waħda ttieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza għall-assistenza.
Fuq il-post intalbet ukoll l-assistenza ta’ membri mill-Awtorità għall-Bini u Kostruzzjoni.
Minn informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher li wieħed mis-soqfa tar-residenza kellu xi ħsara fix-xorok. Xhieda fuq il-post tal-inċident qalulna wkoll li minkejja li fir-residenza biswit qed isiru xi xogħlijiet, fuq il-post illum ma kien hemm l-ebda ħaddiema u mhux eskluż li l-ħsara setgħet saret f’xi ġurnata oħra.