Ħsara teknika fis-sistema tal-ajruport ta’ Heathrow f’Londra li tieħu ħsieb il-bagalji tal-passiġġieri, wasslet għal kaos sħiħ fost dawk li vvjaġġaw minn dan l-ajruport, li huwa l-ikbar wieħed fl-Ewropa u fost l-ikbar fid-dinja.
Din il-problema laqtet titjira waħda tal-Air Malta, b’riżultat li madwar mitt bagalja għadhom iridu jaslu għand il-linja nazzjonali tal-ajru.
L-ajruport ta’ Heathrow qal li din il-ħsara tranġat imma jaf tieħu ġranet biex il-bagalji li akkumulaw minn linji tal-ajru differenti, jaslu għand il-passiġġieri rispettivi.
Kelliem għall-Air Malta kkonferma ma’ ONE News li l-linja tal-ajru Maltija tinsab f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet ta’ Heathrow biex tinstab soluzzjoni kemm jista’ jkun malajr ħalli l-bagalji jaslu għand il-passiġġieri.
L-Air Malta skużat ruħha mal-passiġġieri milquta u qalet li, sfortunatament, iċ-ċirkostanzi mhumiex fil-kontroll tagħha.
Din il-ħsara affettwat lill-passiġġieri li vvjaġġaw minn Terminal numru tnejn, fejn kienet qed ittir l-Air Malta f’dawn l-aħħar snin mindu faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19.
L-Air Malta fakkret li minn għada, it-titjiriet tagħha se jimxu għal Terminal numru erbgħa kif ippjanat biex imorru lura għal kif kienu qabel l-imxija.