Il-ħsara kkawżata minn tnaqqix fil-ġebel tat-tempji Megalitiċi tal-Ġgantija li sar f’Settembru li għadda, hija irriversibbli.
Din il-konklużjoni tirriżulta minn rapport ta’ Heritage Malta ikkwotat fil-gazzetta KullĦadd.
B’rabta ma’ dan il-każ fil-Qorti beda jinstema’ l-każ ta’ Stephen Catania, raġel ta’ 49 sena li kien flimkien mal-mara li nqabdet tnaqqax fil-ġebel l-ismijiet Steve u Amir. Instabet ukoll kitba bl-Għarbi fuq il-blat ta’ dan is-sit storiku.
Ir-raġel tressaq għax irreżista l-investigazzjoni, filwaqt li l-mara Alġerina għad trid titressaq il-qorti għax kienet rikoverata l-isptar. Hi trid twieġeb għall-ħsara li saret fit-tempji bi ksur tal-Att dwar il-Patrimonju Nazzjonali.
Ir-rapport kwotat mill-KullĦadd jgħid li għalkemm l-iskrizzjonijiet huma biss bejn nofs millimetru u millimetru fondi, il-ħsara li dan ikkawża fuq il-Platina, il-ġilda tal-ġebla, ma tistax titranġa. Dan minħabba l-fatt li il-ġilda fuq il-ġebla antika takkumula wara mijiet ta’ snin.
Ir-rapport ta’ Heritage Malta jgħid li minħabba li fl-istess ħin it-tempji huma esposti għall-elementi naturali, dan jista jwassal biex il-ġebla tiddeterorja għal kollox.
It-Tempji tal-Ġgantija jitqiesu bħala l-aqwa eżempju ta’ preservazzjoni ta’ siti presitoriċi fil-Gżejjer Maltin, u huwa Wirt Dinji f’għajnejn il-UNESCO. B’Iktar minn ħamest elef sena ta’ storja tagħhom, it-tempji tal-Ġgantija huma simbolu tal-Istorja u l-Kultura Maltija, li ta’ kull sena isaħħru eluf ta’ turisti.