B’referenza għall-istqarrija għall-istampa maħruġa nhar it-Tnejn 4 ta’ Settembru, l-Accountant General iħabbar l-allokazzjoni tal-applikazzjonijiet li rċieva mingħand individwi eliġibbli skont kif hemm provdut taħt paragrafu 10 (b) tal-prospett ippubblikat it-Tlieta 29 ta’ Awissu 2017.
It-Teżor irċieva 12,305 applikazzjoni għall-ammont totali nominali ta’ €107,100,900. Minħabba d-domanda qawwija li kien hemm, it-Teżor qed jeżerċita d-dritt li jalloka sa massimu ta’ €20 miljun aktar sabiex l-ammont aggregat li se jiġi allokat jitla’ sa massimu ta’ €70 miljun. L-allokazzjoni fit-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta (Settembru 2017) se tkun kif ġej: –
- sottoskrizzjonijiet mingħand applikanti sa € 5,000 se jiġu milqugħa kollha;
- sottoskrizzjonijiet mingħand applikanti ’l fuq minn €5,000 jiġu allokati minimu ta’ €5,000 kull applikant flimkien ma’ ammont addizzjonali ta’ 22% fuq il-bilanċ li ma ġiex allokat, aġġustat ’il fuq għall-eqreb €100 (għal xi eżempji dwar x’ se jiġi allokat mill-ammont sottoskritt, ara t-tabella ta’ hawn taħt).
€ | € | € | € | € | € | € | € | € | € | |
Ammont sottoskritt | 10,000 | 9,000 | 8,000 | 7,000 | 6,000 | 5,000 | 4,000 | 3,000 | 2,000 | 1,000 |
Ammont allokat | 6,100 | 5,900 | 5,700 | 5,500 | 5,300 | 5,000 | 4,000 | 3,000 | 2,000 | 1,000 |
Għalhekk, it-Teżor qed jalloka is-somma ta’ €69,895,000.
Opportunita` oħra lill-applikanti li l-applikazzjoni tagħhom ma ġietx aċċettata kollha
It-Teżor javża li ser tingħata opportunità oħra lill-applikanti tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta li l-applikazzjoni tagħhom f’Settembru qabżet l-ammont ta’ €5,000 biex min irid jipparteċipa fi ħruġ ġdid li se jsir f’Ottubru 2017. Dawn l-investituri ser jingħataw għażla permezz ta’ ittra li se tintbgħat lilhom fil-jiem li ġejjin sabiex flok jinħarġulhom ir-rifużjonijiet tal-ammonti mhux allokati mill-ewwel ħruġ, huma jkunu jistgħu jużaw dawn il-flus mhux allokati li bħalissa huma miżmuma mit-Teżor, biex bihom jipparteċipaw fit-tieni ħruġ tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta.
Applikanti li ser jirċievu l-ittra mit-Teżor u jagħżlu li jipparteċipaw għandhom jiffirmaw l-ittra u jmorru biha għand il-bank jew providitur ta’ Servizzi ta’ Investiment awtorizzat oħra fid-dati li se jkunu mħabbra aktar tard fil-prospett.
Min jagħżel li ma jipparteċipax jinħariġlu r-rifużjoni
Jekk l-applikanti tal-ewwel ħruġ li l-applikazzjoni tagħhom ma ġietx milqugħa kollha jagħżlu li ma jipparteċipawx fit-tieni ħruġ, lil dawn tinħarġilhom ir-rifużjoni tal-ammont mhux allokat.
It-tieni Ħruġ (Ottubru 2017): Fil-ħruġ ta’ Ottubru, huma biss dawk l-applikanti li applikaw ’il fuq minn €5,000 fl-ewwel ħruġ u applikanti ġodda li ma pparteċipawx fil-ħruġ ta’ Settembru li se jkunu eliġibbli biex jipparteċipaw
It-tieni ħruġ ser ikun sa massimu ta’ €30 miljun u l-bond ser jinħareġ b’termini u l-kundizzjonijiet simili għal dawk tal-ewwel ħruġ ta’ Settembru 2017, fost oħrajn, (i) il-bond se jinħareġ b’parità, (ii) mhux se jkun negozjabbli, (iii) ir-rata ta’ imgħax se tkun ta’ 3% fis-sena, (iv) jimmatura fit-13 ta’ Settembru 2022 u (v) jkunu eliġġibli biex japplikaw biss dawk l-individwi li twieldu fis-sena 1955 jew qabel.
L-applikazzjonijiet tal-applikanti l-ġodda jistgħu ikunu magħmula sa massimu ta’ €10,000 u minimu ta’ €500 u dawn jiġu soġġetti għall-istess allocation policy applikata għall-applikanti tal-ewwel ħruġ tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta, li d-dettalji tagħha jidhru aktar ’l fuq. Dan qed isir sabiex skont l-ammont li se japplikaw għalih, l-applikanti l-ġodda li se jipparteċipaw fit-tieni ħruġ jiġu allokati l-istess ammont ta’ Savings Bonds li ġie allokat lill-applikanti tal-ewwel ħruġ sakemm, jekk meta tiġi applikata din l-allocation policy, l-ammont ta’ €30 miljun ma jinqabiżx. F’każ li wara li tiġi applikata l-allocation policy tal-ewwel ħruġ għall-applikanti ġodda li se jipparteċipaw fit-tieni ħruġ, tintlaħaq jew tinqabeż is-somma ta’ €30 miljun, ma jibqax x’jiġi allokat lill-applikanti tal-ewwel ħruġ li jkunu għażlu li jipparteċipaw fit-tieni ħruġ.
Jekk wara li jiġi pproċessat dan l-ewwel stadju tal-allokazzjoni tat-tieni ħruġ, jibqa’ ammont x’jigi allokat mit-€30 miljun tal-ħruġ, dan jiġi allokat u mqassam bejn l-applikanti kollha tal-ewwel u t-tieni ħruġ li l-ammont tal-applikazzjoni tagħhom ma’ ġiex milquh kollu, skont id-diskrezzjoni tal-Accountant General. It-Teżor ma jiggarantix li jista’ jibqa’ ammonti x’jiġu allokati lill-applikanti tal-ewwel ħruġ li jagħżlu li jipparteċipaw fit-tieni ħruġ.
L-imgħax tat-tieni ħruġ tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta ta’ Ottubru 2017 jibda jgħodd skont id-data li se jkun hemm fil-prospett li se jiġi ppublikat dalwaqt.
Rifużjonijiet
Ir-rifużjoni tal-flus lill-applikanti tal-ewwel ħruġ li għażlu li jipparteċipaw fit-tieni ħruġ u ma ġewx allokati l-ammonti kollha li applikaw għalih anke fit-tieni ħruġ, ser issir wara l-allokazzjoni tat-tieni ħruġ ta’ Ottubru 2017.
Kif stipulat fil-prospett, l-imgħax fuq it-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta beda jakkumula mit-13 ta’ Settembru 2017. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mir-riżultati tal-ħruġ tat- 62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta ppubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tat-Teżor www.treasury.gov.mt.