Il-manager tal-kantanta Maltija, Destiny Chukunyere, Howard Keith Debono, staqsa x’inhi l-motivazzjoni li hemm għaddejja wara dik li sejħilha “drama” dwar l-infiq għall-Eurovision.
Dan fid-dawl ta’ rapport li ħareġ u li sostna kif infetħet investigazzjoni dwar l-infiq fuq il-Eurovision ta’ din is-sena li jaf jilħaq is-€700,000.
L-istess rapport allega li jaf ikun il-każ li parti mill-flus intefqu fuq id-djar tal-imħatri fuq Malta biex itellgħu lil Malta fil-quċċata tal-klassifikazzjoni tad-djar tal-imħatri.
F’waħda mill-kitbiet li kiteb fuq Facebook, Howard Keith, staqsa r-raġuni wara l-iffukar li hemm fuq spettaklu li sejjaħlu “light hearted” u kif dan juri nuqqas ta’ appoġġ lill-kantanta ta’ 18-il sena.
Spjega kif filwaqt li jaqbel mal-prinċipju li wieħed jistaqsi kif intefqu t-taxxi tal-poplu, staqsa wkoll dwar il-motivazzjoni wara “id-drama” kollha, li skontu, “onestament, kieku jien Destiny kont ngħid bejni u bejn ruħi; għandhom daqshekk nuqqas ta’ fiduċja fijja u r-riżultat tagħna u għalfejn ksibnih.”
Hu kompla billi qal, “possibbli m’hemm xejn għall-kreditu tagħna? Iżda, ħeqq, issa ninsab fuq ix-xwiek biex inkun naf jekk flus mit-taxxi tal-poplu ntużawx f’dan ir-rigward u jekk dan hu l-każ b’ebda dubju mhix aċċettabbli. Iżda, jekk mhux il-każ, mela se nilħqu livell ieħor ta’ mistħijja li rridu nindirizzaw.”
Kienu bosta persuni fil-qasam tal-mużika Maltija li kellhom reazzjoni ferm differenti fejn bosta ngħaqdu flimkien u talbu biex il-Festival għall-Kanzunetta Maltija jerġa’ jirritorna kif jafuh il-Maltin.
Apparti minn hekk, persuni fil-qasam fosthom Roger Tirazona qal kif filwaqt li l-Eurovision għandu jinżamm, ammont bħal dak seta’ jintefaq fuq aktar opportunitajiet fuq il-gżejjer tagħna.
Intant, il-Ministru responsabbli mix-xandir nazzjonali, Carmelo Abela, talab biex isir awditjar dwar l-infiq fuq il-Eurovision.