Hospice Malta nediet il-maratona ġbir ta’ fondi bl-isem, ‘Bl-Imħabba Naslu’ u li ser tixxandar nhar il-Ħadd sitta u għoxrin ta’ Ġunju fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali kollha.
Il-fondi li ser jinġabru ser jgħinu lil din l-għaqda volontarja li għal tlieta u tletin sena tat sostenn b’xejn għal kura paljattiva lill-pazjenti morda bil-kanċer, b’mard tal-qalb, b’mard respiratorju, tal-kliewi u fwied fost l-oħrajn.
Il-flus miġbura se jkunu ddedikati wkoll biex titlesta l-aħħar fażi tax-xogħol fuq St. Michael Hospice, li huwa l-ewwel ċentru għall-kura paljattiva f’pajjiżna.
Bħalissa l-organizzazzjoni qed tgħin iktar 1,300 familja fis-sena.
Fid-diskors tagħha, Mart il-President ta’ Malta u Patruna ta’ Hospice Malta, Miriam Vella raddet ħajr lill-ħaddiema kollha għall-ħidma kbira li ssir minn din l-għaqda filwaqt li appellat lill-poplu Malti u Għawdxi biex iżomm f’moħħu lil dawk il-mijiet ta’ familji li jistgħu jibbenefikaw mill-proġett ta’ St Michael Hospice.
Ic-Chairperson u l-Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta appellaw biex il-poplu Malti u Għawdxi ikun ta’ sostenn biex b’hekk din l-għaqda tkompli tespandi s-servizzi tagħha fil-komunità.
Il-Kap tar-Reazzjonijiet Pubbliċi ta’ Hospice Malta, Andrew Zammit qal li waqt ix-xandira ta’ tnax-il siegħa, ser jixxandru numru ta’ intervisti ma’ pazjenti ta’ Hospice kif ukoll tal-familji tagħhom.