Hospice Malta qed tħabbar it-tnedija tat-telethon annwali tagħha ta’ ġbir ta’ fondi, bl-isem ‘L-Aħħar Pass’. Skedata għall-Ħadd, 7 ta’ Lulju 2024, mill-11:00 am sal-11:00 pm, it-telethon ta’ din is-sena għandha l-għan li tiġbor l-għotjiet mill-pubbliku biex jitlestew l-aħħar stadji tal-kumpless St Michael, bl-inawgurazzjoni mistennija f’Settembru 2024.
It-telethon ‘L-Aħħar Pass’ se tixxandar live għal 12-il siegħa direttament minn St Michael Hospice f’Santa Venera. It-telespettaturi jistgħu jsegwu l-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali biex jesperjenzaw l-istejjer u l-intervisti li jixhdu l-impatt tas-servizzi ta’ Hospice Malta u l-importanza li jitlesta l-proġett ta’ St Michael Hospice.
St Michael Hospice, l-ewwel kumpless ta’ kura paljattiva f’Malta, jirrappreżenta pass trasformattiv fl-impenn ta’ 34 sena ta’ Hospice Malta għall-kura ħolistika. Il-kumpless se joffri faċilitajiet kruċjali għal in-patient u servizzi estiżi, u b’hekk jiżgura appoġġ komprensiv għall-pazjenti u l-familji tagħhom li qed jiffaċċjaw mard li jillimita l-ħajja.
Is-Sinjura Bernadette Bonnici Kind, Chairperson ta’ Hospice Malta ħeġġet lill-benefatturi, lill-komunità kummerċjali u lill-pubbliku biex jikkontribwixxu b’mod ġeneruż lejn dan il-proġett ta’ importanza nazzjonali.
Kenneth Delia, Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta, saħaq li l-proġett ta’ St Michael Hospice qed joqrob lejn l-aħħar stadji tiegħu ta’ tlestija. B’din l-infrastruttura f’postha, Hospice se tkun mgħammra biex takkomoda b’mod effiċjenti s-servizzi attwali tagħha filwaqt li toffri wkoll il-potenzjal ta’ espansjoni permezz tas-servizzi tagħha fil-komunità, servizzi ta’ matul il-jum kif ukoll servizzi in-patient.
It-telethon ‘L-Aħħar Pass’ qed tilqa’ donazzjonijiet permezz ta’ diversi mezzi, inklużi telefonati, SMS, pjattaformi online, u pledges. Kull kontribuzzjoni tqarreb lil Hospice Malta biex twettaq il-missjoni tagħha u twettaq il-viżjoni ta’ St Michael Hospice.
Għal aktar informazzjoni u biex tagħti donazzjoni, żur www.hospicemalta.org.