Illum huwa l-jum internazzjonali tal-klieb fejn proprju f’dan il-jum noħolqu aktar għarfien dwar l-akbar ħabib tal-bniedem. Ninsabu hawn fid-dipartiment tal-ħarsien tal-annimali fejn iltqajna ma’ Hope, Tinker u Tina.
Hope, Tinker u Tina huma tlett iklieb fost madwar sebgħin kelb residenti għand id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali li bħalissa qed jistennew bil-ħerqa biex jingħataw ċans ieħor għal ħajja aħjar.
Tkellimna ma’ Louise Arpa li taħdem id f’id mad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali b’rabta mal-adozzjonijiet.
Kellmitna aktar fid-dettall dwar dawn it-tlett iklieb, li minkejja li mhumhiex ġriewi, xorta waħda joffru mħabba kbira.
Spjegat kif, “Tina waħda mill-anzjani tagħna. Kelba ħelwa ħafna, u ma tbati minn ebda kundizzjoni, f’saħħa tajba, tħobb tilgħab. Lanqas tgħid li għandha tlettax-il sena. Tinker huwa fox-terrier, li n-nies jaqtgħu qalbhom għax jaħsbu li huma attivi biss u tajbin għall-għelieqi biss iżda dan mhux il-każ. Tinker huwa b’enerġija medja u tajjeb ħafna għal ma’ familja, u ċerti li kellu familja. Huwa kelb bravu u mgħallem, jilgħab fetch, jgħodds għall-ballun.”
Louise qalet kif minkejja dak li jgħaddu minnu, dawn il-klieb xorta jibqgħu jħobbu lill-bniedem.
Il-kelba Hope, filwaqt li nstabet fi stat ħażin ħafna saħansitra kellha wkoll toqba fis-saqaf ta’ ħalqha li l-kawża tagħha x’aktarx saret b’negliġenza.
Hi qalet li, “Hope hija kelba ta’ mezza età li ġiet għandna fi stat gravi ħafna minħabba sandfly li ma ġietx trattata fejn ġiet għandna magħluba ħafna, bi ġrieħi, għajnejha kollha materja. Illum rajtuha, fiha kelba, sabiħa, ġilda sabiħa wkoll, għajnejha issa jinsabu fi stat tajjeb ħafna.”
Spjegat kif kull kelb hu kapaċi joffri l-imħabba u jservi ta’ kumpanija għal dak li jkun, u importanti ħafna biex meta wieħed ikun se jadotta kelb, iżomm qalbu miftuħa għal klieb li ma jkunux ġriewi.
Qalet, “Dawn huma klieb li jadattaw ħafna ma’ familji li l-istil ta’ ħajja tagħhom u l-familja tagħhom jintegra aktar kelb imdaħħal fiż-żmien milli xi ġeru li jkollu bżonn it-taħriġ mill-bidu, iku naktar attiv jew forsi koppja irtirata li ġeru jkun wisq attiv għalihom, jistgħu jadottaw kelb kbir fl-età. L-appell tiegħi hu biex ma taqtgħux qalbkom, aħna se ngħidulkom dwar il-karattru tagħhom, dwar il-kundizzjoni li jkollhom u kif tikkurawha, dejjem jekk ikollhom għax hemm bosta klieb li m’għandhom ebda kundizzjoni, l-istess fis-santwarji.”
Aktar minn hekk Louise spjegatilna li hemm bżonn li titneħħa l-istigma fuq klieb ta’ ċertu razez hekk kif kull kelb hu differenti bl-istorja tiegħu.
Tenniet dwar l-importanza ta’ meta persuna tadotta kelb, fejn wieħed għandu jagħti ċans lill-istess kelb biex jidra l-ambjent u jagħraf li l-istorja tiegħu mhux se tispiċċa kif bdiet.
Intant kull min hu interessat biex jadotta kelb fi ħdan id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali jista’ jibgħat messaġġ fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook tad-dipartiment, Animal Welfare Malta jew fuq il-paġna Rescued is My Favourite Breed – Lulu Arpa.