Ir-reġjun ta’ Hong Kong ħabbar pjanijiet biex iwaqqaf l-ivvjaġġar bejn il-fruntieri tal-belt u reġjuni oħra fiċ-Ċina.
Dan fid-dawl li n-numru ta’ persuni mejta minħabba l-Coronavirus tela’ għal 106, u rdoppja n-numru ta’ każijiet li feġġew f’ġurnata.
L-awtoritajiet Ċiniżi qalu li n-numru totali ta’ każijiet
ikkonfermati fiċ-Ċina fil-jum tat-Tnejn kien ta’ 4,515. Id-doppju tal-ġurnata ta’ qabel, meta kien hemm 2,835 każ.
Fid-dawl ta’ dawn in-numri allarmanti, il-mexxejja ta’ Hong Kong, Carrie Lam, ħabbret li mill-Ħamis, se jieqaf is-servizz tal-ferroviji u tal-laneċ li jaqsmu l-fruntiera.
Il-belt ta’ Wuhan hija fl-epiċentru tat-tifqigħa tal-virus, iżda l-coronavirus infirex maċ-Ċina kollha u f’sittax-il pajjiż ieħor.
Il-coronavirus jikkawża infezzjoni respiratorja u għad m’hemmx kura jew tilqima kontrih.
Ħafna mill-vittmi kienu anzjani jew nies li diġà kienu jbatu minn mard respiratorju.
Ritratt: Reuters