Matul is-sena l-oħra kienu erbgħa u erbgħin famija li gawdew mis-servizz ta’ Home Start hekk kif ħabbtu wiċċhom ma’ xi diffikultajiet fit-trobbija t’uliedhom.
Dan is-servizz, li fi ħdanu jaħdmu mat-tnejn u għoxrin voluntier imħarrġa, huwa l-ispalla għal diversi familji li għal xi raġuni jew oħra jsibu diffikultà bit-trobbija tat-tfal.
Id-Direttur tal-Kura Alternattiva għat-Tfal u ż-Żgħażagħ fi ħdan l-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali, Remenda Grech, li spjegat il-missjoni ta’ dan is-servizz.
Hija spjegat: “L-iskop tagħna huwa li kemm jista’ jkun malajr, mal-ewwel diffikultà fit-trobbija tal-ulied, Home Start bħala servizz jidħol permezz ta’ voluntiera li huma mħarġa apposta fit-trobbija tal-ulied u jkunu jistgħu jgħinu lil dawn il-familji jegħlbu d-diffikultajiet tagħhom.”
Hija sostniet kif l-isfidi li jaffaċċjaw dawn il-familji huma varji. Semmiet ukoll każ partikolari li bosta koppji u familji jsibu ruħhom fihom, liema sitwazzjoni tista’ tiġi mgħejjuna mill-Home Start.
Grech tenniet: “Home Start jaħdem ma’ familji li għandhom problemi varji. M’hemm ebda familja tipika ta’ Home Start. Għandna familji li forsi huma stess kienu professjonisti, però malli twieldet tarbija fil-ħajja tagħhom, il-mamà għaddiet minn esperjenza ta’ post natal depression, ħasset li l-familja tagħha forsi ma kinux qed jifhmu minn dak li għaddejja minnu u kellha bżonn lil xi ħadd joffrilha s-sapport.”
Grech sostniet ukoll li matul is-snin dan is-servizz ħadem sabiex ikabbar l-operat tiegħu sabiex jgħin ukoll dawk il-familji li jinsabu f’uħud mill-agħar stati li jistgħu ikunu fihom.
Hija saħqet: “Xi ħaġa sabiħa wkoll ta’ Home Start li qed jaħdem matul dawn l-aħħar snin kien il-familji li sfortunatament minħabba diffikultajiet kbar li kellhom, saħansitra ttieħdulhom it-tfal minn ġod-dar u bdew jirrisjedu f’kura alternattiva, kellna familji li bl-għajnuna u interventi ta’ Home Start, ġew fuq saqajhom, tgħallmu aktar ħiliet differenti u ġew fi stat li jistgħu jerġgħu jilqgħu l-uliedhom lura.”