Hemm 1,924 ħolma għal din l-edizzjoni ta’ Children’s Dream.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn fiha ġie spjegat kif dan il-ħolm huwa ta’ tfal żgħar sa dawk li se jagħlqu tmintax-il sena.
Id-Direttur tal-Fondazzjoni tas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali, Remenda Grech qalet kif din is-sena minkejja l-pandemija xorta saret ħidma biex fost oħrajn ħolma ta’ tifel ta’ ħames snin issir realtà.
Hija qaltilna: “Ħolma ta’ tifel ta’ 5 snin. Sfortunatament ġie abbużat, anke f’din l-età żgħira li għandu u għalih il-ġugarelli huma forma ta’ żvoġġ biex anke jkun jista’ joħloq minn din it-trawma li għadda minnha.”
Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon appella lill-pubbliku sabiex ikun ġeneruż u jgħin lil dawn it-tfal fil-bżonn.
Huwa sostna: “Nappella lil kulħadd biex jipparteċipa u biex igawdi minn dak is-sodisfazzjon illi jkollok meta inti tagħti u tgħin lil ħaddieħor.”
Wieħed jista’ jagħmel realtà, il-ħolm tat-tfal billi jidħol fuq www.childrensdream.org