Li pajjiżna jkollu rajh f’idejh kienet il-ħolma ta’ poplu sħiħ. Sa mill-bidu tal-mixja politika ta’ dan il-ġens, il-Malti ried li jkun hu stess li jmexxi lill-pajjiżu, li jkun hu flok il-barrani li jimmarka d-destin tiegħu.
Din kienet ħolma tal-Mexxeja kollha Maltin. Kemm dawk minn Partit u kemm dawk minn ieħor.
Illum, saret xi ħaġa normali li niċċelebraw Jum il-Ħelsien, Jum l-Indipendeza u Jum ir-Repubblika, iżda għal min għex qabel dawn il-jiem għeżież, ma kienx jemmen minn dejjem li Malta tista’ tkun tabilħaqq tal-Maltin.
Illum qed ngħixu l-ħolma li għaqqdet poplu minkejja d-differenzi ta’ bejnietna. Qed ngħixuha għax dawk li ġew qabilna ħallew warajhom sigħat twal ta’ xogħol, tbatijiet, argumenti, ħabs, ta’ dawk li l-ġlieda għall-ħobż u l-Ħelsien għamluha r-raġuni tal-eżistenza tagħhom.
Kemm għandna biex inkunu kburin b’dak li kisbu missiriejtna snin ilu. Kemm għandna biex inkunu kburin li llum qed ngħixu ħolma oħra.
Minn jaf kemm kien jiddakkru dawn li ġew qabilna li llum jaraw pajjiż li flok iħarsu lejh biss għall-aspirazzjonijiet tagħhom, qed iħarsu lejh bħala mudell ta’ kif jistgħu jimxu ‘l quddiem huma.Minn jaf kemm kienu jkunu kburin li Malta llum hija tabilħaqq l-aqwa fl-Ewropa fuq l-aktar affarijiet li huma ġġieldu għalihom: ix-xogħol, l-emanċipazzjoni ta’ poplu sħiħ mill-ktajjen tal-preġudizzji, il-faqar u r-rigress.
Din hija Malta li qed ngħixu llum bi kburija. Malta li kienet ħolma għal dawk li ġew qabel, u realtà għall-ġenerazzjonijiet ta’ issa u li ġejjin ‘il quddiem.