Mal-240 persuna b’diżabilità, li jattendu f’Dar il-Kaptan, l-Imtarfa, u l-ħaddiema tagħha se jgawdu minn spazju miftuħ ġdid li sar mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, b’investiment ta’ kważi nofs miljun ewro.
B’rabta’ ma dan, ONE News ħa l-kummenti tad-Direttur ta’ Dar il-Kaptan, Silvan Magro, li tenna kif, grazzi għall-Gvern, din il-ħolma tagħhom u tar-residenti tagħhom saret realtà.
“Spazju bħal dan jista’ jgħin ħafna anke b’mod terapewtiku għall-klijenti tagħna biex, fil-ħin li jkunu qed jagħmlu użu mir-respite, jistgħu jgawdu n-natura u l-ambjent sabiħ li għandna f’dan il-ġnien. Jistgħu jsiru numru ta’ attivitajiet mal-klijenti u aħna dak li se nkunu qed naraw biex nużaw il-massimu minn dan l-ispazju.”
Id-Direttur ta’ Dar il-Kaptan, Silvan Magro
Fi żjara li s-Segretarju Parlamentari responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet, Omar Farrugia, għamel fuq il-post, ġie spjegat kif dan il-proġett inkluda l-iddisinjar mill-ġdid ta’ din il-medda t’art, fejn ukoll inżergħu numru ta’ siġar u arbuxelli, waqt li tqiegħed pavimentar ġdid anke f’passaġġi ġodda fil-madwar.
Dan kollu ġie kkumplimentat b’għamara ta’ barra u tagħmir modern ieħor ta’ rikreazzjoni u eżerċizzju.
“L-emozzjoni li ħassejt dalgħodu jkompli jimlina b’aktar kuraġġ u entużjażmu li nkomplu nwettqu proġetti ta’ spazji miftuħa fil-komunitajiet tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia