B’viżjoni ta’ Gvern Laburista proġett li beda f’nofs is-sena elfejn u sittax tlesta f’perjodu ta’ anqas minn setejn u diġà qed jagħti nifs ġdid lil kull min jgħaddi bil-karozza minn fuq il-flyovers tal-Kappara.
Il-proġett beda fil-ħdax t’April elfejn u sittax, b’membri tal-forzi Armati ta’ Malta dehru bl-inġenji tagħhom jaqilgħu s-siġar tal-palm li saru sinonimi ma’ din ir-roundabout.
Minn hawn, Transport Malta bdiet ħidma intensiva sabiex tassigura li dan il-proġett ambizzjuż ma jinbidilx f’ħolma kerha għal dawk kollha li ta’ kuljum jgħaddu mill-Kappara.
Wara li tlestew il-mini sabiex jiġu installati servizzi ġodda tħejjew ukoll fil-fabbrika numru kbir ta’ ħitan twal tal-konkos.
Il-pontijiet tal-azzar inħadmu minn funderija Spanjola u twasslu Malta fuq vapur.
Dan beda ljieli ta’ ħidma sabiex dawn l-istrutturi enormi tal-ħadid jgħaddu mit-toroq sakemm tqiegħdu fuq il-kolonni mħejjija apposta fil-Kappara.
Il-flyover tal-Kappara bdiet tieħu l-forma tagħha wara li bdew jitqiegħdu ċ-ċangaturi rinforzati tal-konkos fuq it-travi tal-ħadid.
Dan ix-xogħol tkompla sakemm tlesta t-tieni pont. Fażi li ħadet inqas miż-żmien stipulat.
Il-ħidma mxiet għaż-żona ta’ taħt il-pontijiet fejn inbnew toroq ġodda li għaqqdu Triq Reġjonali ma’ San Ġwann u l-Gżira.
Għal dan il-proġett intużaw tliet elef metru kubu ta’ konkos, sittax -il pont tal-azzar b’piż totali ta’ ħames mija u tletin tunnellata. Ġew installati żewġ kilometri ta’ barrikati u sound proofing b’disinn apposta li jassiguraw sigurtà għas-sewwieqa inkluż dawk tal-muturi.
Dan il-proġett Nazzjonali tlesta f’sitt mija u ħamsa u ħamsin jum bl-involviment ta’ eluf ta’ ħaddiema li ħadmu qatigħ sabiex dan il-proġett ikun jista’ jitlesta fiż-żmien stipulat, bl-anqas inkonvenjent u skont il-baġit.