Mad-disat elef ewro insterqu waqt hold-up li seħħ għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar minn ħanut tal-merċa fi Triq Giuseppe Calleja fis-Swatar.
Xhieda fuq il-post qalu lil One News li raġel liebes ‘hoody’, b’wiċċu mgħotti b’kemm jidhru għajnejh, daħal fil-ħanut tal-Convenience armat b’arma tan-nar.
Qalu wkoll li x’aktarx l-arma kienet ikkargata u l-ħalliel instema’ jitkellem bil-Malti.
Malli daħal fil-ħanut, il-ħalliel ġiegħel lill-impjegat – li kien waħdu fil-ħanut – jagħtih dak kollu li kellu fil-cash reġister, u wara ġegħlu jagħtih ukoll il-flus li kien hemm fis-safe.
Il-pulizija kkonfermat magħna li r-raġel ħarab minn fuq il-post permezz ta’ rota li ħalla quddiem il-ħanut.
B’xorti tajba, ma ndarbu l-ebda persuni.
Minnufih waslu fuq il-post pulizija mir-Rapid Intervention Unit, li bdew bit-tfittxija għall-ħalliel.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin, fosthom mill-taqsima forensika li ġabru marki tas-swaba’ minn fuq il-post. Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Monica Vella.