Fil-jiem li għaddew żewġ timijiet barranin tal-hockey lagħbu partiti ta’ ħbiberija kontra oppożizzjoni Maltija.
Fil-fatt, Strathclyde University of Glasgow mill-Iskozja u Butterfly HC Roma mill-Italja wettqu t-taħriġ tagħhom fil-Kumpless tal-Hockey f’Kordin fejn kellhom iċ-ċans jilagħbu xi partiti ta’ ħbiberija.
Strathclyde University Ladies lagħbu kontra selezzjoni femminili Maltija bl-iskor finali jkun dak ta’ 2-2 bil-Maltin jiskorjaw il-gowls tagħhom minn Josefina Pereira u Jodie Sultana.
Anke t-tim tal-irġiel mill-istess universita’ kellu logħba ta’ ħbiberija kontra Floriana Young Stars bit-tim Malti li rebaħ 5-3.
Il-Greens skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ Justin Bonello, Luke Borg Costanzi, Leon Gatt, Deemer Rapinett Jean Paul Sapiano.
Mill-banda l-oħra, it-tim Taljan ta’ Butterfly HC Roma kellhom żewġ logħbiet ta’ ħbiberija kontra oppożizzjoni Maltija.
Fl-ewwel logħba, it-tim mill-belt kapitali Taljana għelbu lil HAM Masters 4-2 bil-gowls tal-Maltin li ġew skorjati minn Kevin Micallef u Jason Vella.
Fit-tieni logħba, Rabat Depiro kienu ferm tajbin sabiex jirbħu lit-Taljani 2-1 b’Jonathan Pace u Jonathan Seychell jiskorjaw il-gowls l-aktar importanti għat-tim tagħhom.