Iż-żewġ timijiet Maltin tal-Hockey li jinsabu impenjati fil-Euro Hockey Challenge kisbu riżultati pożittivi lbieraħ sabiex għaddew għall-finali biċ-ċans ukoll li jiġu promossi għal diviżjoni ogħla.
GREE Sliema Hotsticks kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva fit-tieni diviżjoni wara li għelbu lil HC Luxembourg 1-0.
Kienet logħba ferm bilanċjata biż-żewġ naħat li iżda qagħdu ferm attenti fid-difiża.
Luxembourg kienu ġejjin minn draw ta’ 2-2 kontra Mesaikos bi Sliema li ddominaw għal kollox il-konfront kontraVantaa tant li rebħu 9-1.
Sliema skorjaw il-gowl tant importanti fit-tieni quarter permezz ta’ Karl Borg.
Il-Blues illum jilagħbu t-tielet konfront kontra SLF Mesaikos. Huma diġa’ garantiti li rebħu l-grupp filwaqt li se jkunu qed jilagħbu waħda mill-finali ewlenija biċ-ċans li jiġu promossi għall-ewwel diviżjoni.
Anke ċ-champions preżenti Qormi Daikin jinsabu biċ-ċans li jiksbu l-promozzjoni, minkejja li ġew miżmuma fi draw ta’ 5-5 kontra FHK Akademik Sofia tal-Bulgarija.
Kienet logħba ferm interessanti biż-żewġ naħat li ħarġu fuq l-attakk u bid-difiża rispettivi li wettqu xi żbalji li wittew it-triq għal xejn inqas minn għaxar gowls.
Qormi skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ tripletta ta’ Zachary Degiovanni b’Keith Bajada u Juan Sarcia li wkoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.
Il-Bulgari sabu x-xibka minn tripletta ta’ Georgi Baklev, Ventislav Balev u Radostin Pavlov.
Dan kien it-tieni impenn tal-Qriema wara li fl-ewwel konfront tilfu 7-2 kontra t-tim ospitu ta’ HC Eagles.
Illum huma jilagħbu t-tielet logħba kontra HC Kilppari tal-Finlandja.