Ġurnata pożittiva għall-hockey lokali hekk kif iż-żewġ timijiet Maltin Qormi Daikin u GREE Sliema Hotsticks it-tnejn rebħu l-konfronti rispettivi tagħhom fil-EuroHockey Challenge li għaddej bħalissa fl-Ewropa.
Fit-tieni diviżjoni, GREE Sliema Hotsticks bdew l-impenji tagħhom fit-Turkija bl-aqwa mod possibbli wara li għelbu lil Vantta tal-Finlandja 9-1.
Is-Slimiżi ddominaw dan il-konfront mill-bidu sal-aħħar bi Chris Agius u Benjamin Johnston jiskorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li b’Keith Scicluna, Silas Plaehn, Jonathan Borg, Alessandro Amore u Ryan Dalli jkomplu jżidu l-iskor għall-Blues.
Vantaa skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni minn Noah Salinen.
Qormi kisbu l-ewwel rebħa fit-tielet diviżjoni wara li għelbu lil Valhalla Land Hockey 4-1. Il-Qriema kienu diġa’ 2-0 minn fuq sa tmiem l-ewwel parti tal-logħba u minkejja li t-tim mill-Iżvezja naqqas il-marġni tal-iskor, it-tim Malti żamm sod u skorja darbtejn oħra.
Keith Bajada, Juan Sarcia, John Williams u Keith Calleja skorjaw għal Qormi filwaqt li Anders Magnusson skorja l-uniku gowl għal Valhalla.
Għada jkompli l-logħob mill-EuroHockey fejn fit-tieni diviżjoni fit-Turkija, GREE Sliema Hotsticks jilagħbu kontra HC Luxembourg filwaqt li f’Ġibilta’, Qormi Daikin jaffaċċjaw lil Akademik Plus Sofia.