Qormi Daikin kisbu l-ewwel rebħa staġjonali wara żewġ telfiet konsekuttivi meta litteralment iddominaw il-konfront tagħhom kontra White Hart tant li rebħulhom 13-1.
Il-Qriema kienu dominanti tul l-erba’ quarters bid-difiża ta’ White Hart li sabitha ferm diffiċli twaqqaf il-furja tal-avversarji.
Neil Spiteri Montebello, Wyatt Magri u Julian Zahra kienu awturi ta’ doppjetta kull wieħed filwaqt li Steve Tanti, Daniel Ellul, Kyle Mallia, Juan Sarcia, Luke Bajada u Nathan Pace Gasan ukoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.
Carl Tua skorja l-uniku gowl għal White Hart.
Umpires kienu Alessandro Amore u Karl Chircop.
KLASSIFIKA – KAMPJONAT NAZZJONALI TAL-HOCKEY
Floriana Young Stars, GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 4, Qormi Daikin 2, White Hart 0
Sadanittant ingħata bidu għall-kompetizzjoni tal-Hockey 7s fejn fl-ewwel logħba li ntlagħbet GREE Żurrieq Wolves Hotsticks għelbu lil Floriana Young Stars 10-2.
Luca Runza kien il-protagonista prinċipali hekk kif skorja erba’ gowls filwaqt li David Vella Dingli kien awtur ta’ doppjetta. Kieran Borg, Sean De Marco, Nathan Giannakellis u Andy Monaghan żiedu aktar gowls għaż-Żrieraq.
Iż-żewġ gowls ta’ Floriana ġew skorjati minn Joy Gibson u Justin Farrugia.
Umpires kienu Glenn Bonello u Paul Brincat.
Mill-kampjonat ta’ taħt is-16-il sena, Marsaskala għelbu lil Qormi Daikin 6-2.
Alessandro Piscopo kompla juri l-progress tiegħu meta skorja tliet gowls għall-Iskalin b’Xylon Cassar li skorja żewġ gowls. Jerome Carabott għaqqad l-iskor għat-tim tiegħu.
Giorgio Muscat u Sam Cassar naqqsu l-marġni tal-iskor għall-Qriema.
Umpires kienu Edward Hughes u Karl Chircop.
Finalment mill-kampjonat ta’ taħt it-12-il sena, Qormi Daikin u Marsaskala Heat A spiċċaw fi draw ta’ 3-3 filwaqt li De La Salle Young Stars iddominaw il-konfront kontra Żurrieq Wolves tant li rebħu 12-0.