GREE Żurrieq Wolves Hotsticks rebħu ċ-Challenge Cup tal-Hockey meta f’Kordin għelbu lil Qormi Daikin 2-1.
Kienet logħba ferm interessanti b’Żurrieq li kellhom ideat ċari sa mill-bidu tant li marru minn fuq wara ħames minuti mill-ewwel quarter permezz ta’ Christ Agius.
Lejn l-aħħar tal-ewwel quarter, Żurrieq kellhom gowl imħassar mill-umpire wara foul fl-arja difiża minn Qormi.
Fit-tieni quarter ġara minn kollox meta Qormi ġabu l-iskor indaqs minn Steve Tanti li ltaqa’ tajjeb mal-cross fil-baxx ta’ John Williams sabiex xeħet il-ballun fix-xibka.
Dan il-gowl ftit damu jgawduh minħabba li l-Hotsticks reġgħu marru minn fuq permezz ta’ Silas Plaehn.
Lejn l-aħħar tat-tieni quarter, Żurrieq kellhom iċ-ċans li jżidu l-vantaġġ iżda l-penalty stroke ta’ Keith Scicluna kien milqugħ tajjeb mill-goalkeeper Aaron Spiteri.
It-tielet u r-raba’ quarter ma pproduċew l-ebda gowl sabiex iż-Żrieraq setgħu jiċċelebraw ir-rebħa bil-qofol jintlaħaq mal-preżentazzjoni tat-tazza lil captain ta’ GREE Żurrieq Wolves Hotsticks Charlo Sammut mill-president tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey Gordon Mifsud.
Umpires kienu Edward Hughes u Karl Chircop.