Floriana Young Stars rebħu l-kompetizzjoni knock-out tal-Hockey meta kontra kull mistenni għelbu liċ-champions Qormi Daikin bl-iskor ta’ 1-0.
Kienet logħba ferm tattika li sal-ewwel erba’ quarters ma wasslet għal ebda goal sabiex kollox kellu jiġi deċiż fil-ħin barrani.
Qormi kellhom ħafna mill-pussess filwaqt li naqqsu milli jikkonkludu quddiem il-lasta bil-goalkeeper tal-Greens Marvin Grixti li salva kull ma ġie għal idejh.
Min-naħa tagħhom, Floriana li bdew itellgħu kontrattakki perikolużi quddiem il-lasti avversarji.
Bil-logħba tispiċċa fi draw ta’ mingħajr gowls sa tmiem il-ħin regolamentari, il-logħba marret għall-ħin barrani.
U kien hawn li Floriana skorjaw il-gowl tar-rebħa. Kien penalty corner mogħti ferm tajjeb minn Karl Chircop bil-ballun jasal għand Mark Camilleri li b’xutt tajjeb għeleb lil Shamison Mifsud bejn il-lasti ta’ Qormi.
Fl-aħħar minuti, Qormi xeħtu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs iżda minkejja kollox, id-difiża tal-Greens żammet sod sabiex ħarġu bir-rebħa.
Fi tmiem il-konfront, il-president tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey Gordon Mifsud ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Floriana Young Stars Karl Chircop.