Floriana Young Stars baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat nazzjonali tal-hockey minkejja li spiċċaw fi draw ta’ 1-1 minn GREE Żurrieq Wolves Hotsticks.
Il-logħba kienet waħda ferm bilanċjata biż-żewġ timijiet li fittxew li jiddefendu bl-aqwa mod possibbli.
Floriana marru minn fuq permezz ta’ Ali Rizwan fl-ewwel quarter biż-Żrieraq li ġabu l-iskor indaqs permezz tal-captain tagħhom Shaun Grima.
Iż-żewġ naħat ippruvaw joħolqu xi attakki lejn il-lasti avversarji fit-tielet u r-raba’ quarter iżda ma rnexxielhomx isibu x-xibka.
B’dan id-draw, Floriana baqgħu jżommu ż-żewġ punti vantaġġ fuq iż-Żrieraq meta ninsabu fit-tieni round tal-kampjonat.
Umpires kienu John Williams u Keith Calleja.
Qormi Daikin ixxalaw u rebħu lil White Hart bl-iskor kbir ta’ 14-1.
Julian Zahra u Luke Bajada skorjaw tripletta kull wieħed, Steve Tanti u Daniel Ellul wettqu doppjetta personali filwaqt li Wyatt Magri, Juan Sarcia, John Williams u Kyle Micallef żiedu l-iskor għall-Qriema.
Matthew Buhagiar naqqas il-marġni tal-iskor għal White Hart.
Mit-tieni round tal-kampjonat ta’ taħt l-14-il sena, Qormi Daikin għelbu lil Marsascala Summer Nights 3-2.
Sam Cassar spikka għall-Qriema meta skorja tripletta bl-Iskalin li jnaqqsu l-marġni tal-iskor perezz ta’ Nathan Rodo u Damian Lupu.
Umpires kienu Alessandro Amore u Edward Hughes.
KLASSIFIKA – KAMPJONAT NAZZJONALI TAL-HOCKEY
Floriana Young Stars 10, GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 8, Qormi Daikin 6, White Hart 0