Trust Payments Floriana Young Stars kisbu l-ewwel rebħa fid-debutt tagħhom għall-istaġun 2021/2022 tal-kampjonat nazzjonali tal-Hockey meta għelbu lil White Hart 3-1.
Kien biss fl-aħħar quarter li l-Furjaniżi aċċertaw mir-rebħa wara li fl-ewwel tliet quarters kien hemm bilanċ assolut bejn dawn iż-żewġ timijiet. Il-Greens marru fil-vantaġġ fl-ewwel 17-il minuta u nofs permezz ta’ Clive Williams. Hekk kif it-tieni quarter ma pproduċa l-ebda gowl, fit-tielet quarter kienu White Hart li skorjaw permezz ta’ Adrian Pedreiro sabiex b’hekk ġabu l-iskor indaqs. Minkejja kollox, ir-raba’ quarter kien kollu tal-Furjaniżi bil-plejer tagħhom Mark Camilleri f’vena mill-aqwa tant li skorja doppjetta personali u li biha ta r-rebħa finali lit-tim tiegħu.
Sadanittant ingħata bidu għall-kompetizzjoni tal-Hockey 9s fejn Qormi Daikin ftit sabu problemi sabiex jegħlbu lil Rabat 5-0. Mill-kampjonat ta’ taħt id-19-il sena Trust Payments Floriana Young Stars għelbu lil Marsaskala Heat 7-1 filwaqt li Qormi Daikin għelbu lil GREE Sliema Hotsticks 6-1.