“Ħobbu lil uliedkom u għidulhom li tħobbuhom kull ċans li jiġikom.”
Dan l-appell tal-ġenituri ta’ Enrica, tifla ta’ tlettax-il sena li tilfet il-battalja mal-kanċer ħames xhur ilu wara kważi tliet snin.
Il-kanċer feġġ meta kellha biss għaxar snin, u kienet tifla ferriħija u intelliġenti bħall-oħrajn.
“Kienet tifla brava fl-iskola, talented, tiżfen, gymnastics, tfajla ħelwa, ma kien hemm xejn jindika fiha li din kellha tgħaddi minn dit-tbatija monstruża u jien ħadt dil-pożizzjoni, għidt xejn ma nbidel, it-tifel xorta baqgħet it-tifla tiegħi.” Stqarret Pamela.
Missier Enrica jispjega li meta qalulhom li jridu jibdew imorru Rainbow Ward għall-kura, ħadu l-akbar qatgħa ta’ ħajjithom, iżda hemmhekk sabu familja.
Missierha Tonio qal, “Meta tibda għaddejja l-kura, Enrica bdiet tidra l-ambjent hawn, f’dil-kamra qattgħet ħafna, ħafna ħin. Enrica kellha 10 meta daħlet hawnhekk u iktar ma beda jgħaddi ż-żmien, iktar tqatta’ ħin hawnhekk, kien hawn it-teacher ukoll, sabet imħabba kbira mingħand in-nurses, għalina dak kien il-wens tagħna li għall-inqas hawn ġew, fis-sofferenza li kellha, fit-tbatija li kellha, kienet issib min iħobbha.”
Irrakkonta li meta kienet l-Ingilterra għall-kura, Enrica dejjem riedet tiġi Malta, u emozzjonat qal li bl-imħabba li rat mingħand ta’ madwarha, bintu mietet b’mod dinjituż.
“Kien hawn tfal oħra li mietu u ovvjament nies bħal Enrica li jsiru ħbieb tagħha, kienet timmissjahom, taqa’ fis-skiet tgħid x’se jiġri minni, tistaqsi lilna, u aħna kultant lanqas ikollna risposti.” Kompla jgħid missierha.
B’qalb maqsuma ta’ omm li għadha kif tilfet lil bintha, Pamela spjegat li lil uliedha dejjem tgħidilhom li d-dar hija dik fejn hemm il-familja.
“Lit-tfal tiegħi dejjem kont ngħidilhom ara uliedi, meta jgħiduli I want to go home jew I want to be at home, ngħidilhom home is where the family is. Jiġifieri home hija fejn hemm l-imħabba tagħna, issa jekk qegħdinx hawnhekk, jew sptar f’Londra, l-aqwa li qegħdin fl-imkien.” Qalet ommha.
Pamela appellat lill-ġenituri kollha biex iħobbu lil uliedhom, u jħallu l-kura f’idejn il-professjonisti.
“Ma tridx tagħti kas it-tbatija, tipprova ma tagħtix kas u tgħid ara din binti, x’għandha bżonn? L-imħabba. L-affarijiet l-oħra jieħdu ħsiebhom it-tobba u n-nurses.” Temmet tgħid ommha Pamela.