Fis-sajf ta’ 25 sena ilu tnediet il-fondazzjoni Oasi. Dak iż-żmien, id-dipendenza fuq id-droga kienet bdiet tgħolli rasha fis-soċjetà Maltija, u għalhekk kien hemm il-ħsieb li l-problema tkun milqugħa f’Għawdex. Dun Manwel Cordina, fundatur tal-Oasi, spejgalna li kienu bdew ifeġġu l-ewwel każijiet ta’ overdose u maħsuda kif kienet, is-soċjetà Għawdxija irreaġixxiet.
Biż-żmien, il-problema tad-droga żviluppat fuq livell nazzjonali. Illum-il ġurnata l-fondazzjoni Oasi toffri programm ta’ prevenzjoni, intervent immedjat, kura u riablitazzjoni mid-droga, iżda wkoll mill-alkoħol. Il-programm residenzjali huwa bbażat fuq 12-il pass żviluppat l-Amerka.
Disa’ minn kull għaxar persuni li jmorru l-fondazzjoni Oasi f’Għawdex, jiġu minn Malta.
Fid-dar ir-Rabat Għawdex, il-Fondazzjoni għandha 15-il sodda. Bħalissa għaxra minnhom huma mimlija. Persuna tipikamet tidħol, tagħmel trattament primarju u terġa’ lura mal-familja u fil-post tax-xogħol jekk tkun taħdem, filwaqt li tibqa’ ssegwi b’ammont ta’ laqgħat.
Dun Manwel spjega li bejn 90 u 100 klijent jgħaddu mit-taqsima residenzjali kull sena. Magħhom ikun hemm dawk li jkollhom bżonn il-kura fil-komunità, ċioe l-outpatients. Klijenti jkollhom minn kollox. Ġieli jkunu nisa tad-dar bit-tfal, li jridu jingħataw l-attenzjoni waqt li wliedhom ikunu l-iskola. Ġieli l-fondazzjoni tikkollabora mal-imgħallem tal-post tax-xogħol, biex jingħataw konċessjonijiet u l-ħaddiem ikun jista’ jmur il-Fondazzjoni.
Dun Manwel innota li ħaġa komuni fosthom normalment tkun li kollha jkunu nies sensittivi u intelliġenti, tant li meta jiġu biex jagħmlu eżamijiet akkademiċi jekk jiddeċiedu li jkomplu jistudjaw, imorru tajjeb ħafna.
Dun Manwel Cordina
Il-familja għandha rwol kruċjali. “L-addiction tinsab fil-persuna, imma l-effetti huma kbar. Il-familja wkoll trid tifhem xi tfisser addiction” jgħid Dun Manwel. Ġieli jagħti l-każ li klijenti joħorġu mill-binja tal-Fondazzjoni għal ftit, biex iqattgħu ħin ma’ tal-familja, imbagħad jkomplu bil-programm. Kull nhar ta’ Ġimgħa l-Fondazzjoni tlaqqa’ membri tal-familja, ġenituri jew partners. Permezz ta’ programm apposta, tfissrilhom xi tfisser li jkollok dipendeza. Problema komuni, spjega Dun Manwel, tkun meta membri tal-famlilja ma jattedux.
Mistoqsi jispjega liem hija l-ikbar sfida, Dun Manwel jgħid li hija dik finanzjarja, għaliex il-programm li toffri l-Oasi huwa intensiv u jinvolvi l-psiko-terapija. L-istaff, magħmul minn ħdax-il persuna full time, tmienja oħra part time u ħamsa oħra bir-reduced hours, huma impenjati mmens. Hemm ukoll grupp ta’ tletin volontier, li jagħtu servizzi varji.
Dan kollu jirrikjedi fondi kbar, iżda fuq kollox dedikazzjoni, li żgur ma rajniex nieqsa kemm domna hemm aħna.