Wieħed mill-prinċipji li ilu għall-qalb il-kontestat għal kariga ta’ mexxejt tal-Partit Laburista Dr Robert Abela huwa dak li kulħadd jieħu l-ħlas għal xogħlu b’mod dinjituż. Qal dan waqt il-programm Stat ta’ Fatt it-Tlieta filgħaxija fejn spega li r-realtà tal-lum tinkludi nies li jagħmlu l-istess xogħol iżda għax huma impjegati ma’ kumpanija differenti, qegħdin jingħataw ħlas differenti u li din hija forma ta’ inġustizzja.
Dr Abela sostna: “Din hija realtà għax instabet toqba legali illi għalkemm qegħdin fuq l-istess post tax-xogħol, qed nagħmlu l-istess xogħol imma inti impjegat ma’ employer b u jien impjegat ma’ employer a, allura l-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol ta’ valur ugwali ma jeżistix. Dik hija inġustizzja.”
Id-Deputat Laburista spjega kif din mhix xi ħaġa li tiġi indirizzata mil-lum għal għada iżda hija xi ħaġa li tista’ ssir permezz ta’ bidla żgħira fil-liġi tax-xogħol. Huwa qal ukoll li jekk jingħata l-fiduċja u jkun elett mhux ħa jkun qed idum wisq biex jagħmel din il-bidla għaliex verament jemmen f’dan il-prinċipju.
Dr Abela temm jgħid li llum għandna ekonomija b’saħħitha, fejn qed jiġi ġenerat il-ġid u dan għandu jitgawda minn kulħadd biex verament inkomplu nkunu partit li nemmnu fil-ġustizzja soċjali.