Il-Pulizija għaddejja bi tfittxija għal sewwieq ta’ karozza li tajjar anzjan u ħarab minn fuq il-post f’Birżebbuġa, bl-anzjan qed ssofri minn ġrieħi serji.
Il-każ seħħ dal-lejl, għall-ħabta tan-nofsiegħa, fi Triq iż-Żurrieq, Birżebbuġa meta l-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u hemm instab raġel ta’ 69 sena minn Birżebbuġa b’diversi ġrieħi.
Għaldaqstant, fuq il-post issejaħ tim mediku u ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għal iżjed attenzjoni medika. Hemmhekk, hu ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura serja.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. Yana Micallef Stafrace, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ sabiex tiġi stabbilità d-dinamika tal-każ, li qed jiġi ttrattat bħala hit and run.
Kull min għandu xi informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjonijiet huwa mħeġġeġ jgħaddiha lill-pulizija, anke b’mod kunfidenzjali fuq in-numru 119 jew 2122 4001.
L-investigazzjonijiet qegħdin jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Birżebbuġa.